Minn għada, se tidħol fis-seħħ is-sistema tal-Football Video Support (FVS) system, fejn għall-ewwel darba, il-kowċis se jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw u potenzjalment iħassru deċiżjoni tar-referee permezz tal-użu ta’ din is-sistema li hija simili iżda mhux identitka għall-VAR.
Fl-aħħar ġimgħat l-MFA, flimkien mal-Malta Premier, kienu qegħdin jaħdmu fuq l-introduzzjoni ta’ din is-sistema l-ġdida għall-futbol Malti, maħsuba biex tgħin lir-referees jikkoreġu deċiżjonijiet li jkun hemm waqt partita. Din is-sistema se tkun qed titħaddem l-ewwel fit-tmien partiti li għadna skedati bejn għada u nhar il-Ħadd li ġej mill-istadju tal-aħħar sittax tal-Jubille Cup.
Eventwalment fit-tieni fażi tal-Opening Round tal-Malta Premier, kemm għall-partiti mit-Top Six kif ukoll tal-Bottom Six, l-FVS se tkun qed titħaddem f’kull partita.
Il-mod ta’ kif din is-sistema se tkun qed titħaddem hu differenti minn kif imdorrijin naraw meta f’partita tkun qed tintuża’ l-VAR. L-FVS se tkun qed tagħti l-opportunitá li wieħed jirrevedi inċidenti speċifiċi fuq talba ta’ wieħed miż-żewġ kowċis rispettivi.
Għaldaqstant, l-FVS se tkun qed tnaqqas aktar mill-monitoraġġ kontinwu li normalment ikollu referee b’sistema tal-VAR.
Din is-sistema ntużat għall-ewwel darba uffiċjalment fit-Tazza tad-dinja tal-Futsal tal-FIFA 2021 fil-Litwanja. L-FVS hija deskritta bħala alternattiva simplifikata għall-VAR.
L-ewwel prova ta’ din is-sistema kienet suċċess u għalhekk il-FIFA użat għal darb’oħra l-FVS fil-Blue Stars/FIFA Youth Cup fl-2024 u wara ħabbret l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema għat-Tazza tad-Dinja tan-nisa tal-FIFA ta’ taħt l-20 sena tal-2024.
Biex wieħed jifhem aħjar id-differenza bejn din is-sistema, u l-VAR f’kliem aktar sempliċi, referee se jkun qed juża’ l-FVS waqt partita, primarjament meta kowċ jikkontesta deċiżjoni billi jippreżenta kard apposta, li permezz tagħha jkun qed jitlob li l-azzjoni tkun eżaminata mill-ġdid mir-referee. F’90 minuta, kull kowċ għandu l-permess li juża’ din il-kard sa massimu ta’ darbtejn, filwaqt li jekk partita tmur għall-ħin barrani, kull kowċ ta’ tim, ikollu l-opportunitá li jista’ juża’ kard oħra.
Dawn il-kards se jkunu qed jagħtu l-opportunitá li wieħed jirrevedi inċidenti speċifiċi. Madankollu, kemm il-darba kowċ juża’ il-kard, u wara li r-referee jeżamina l-azzjoni li l-kowċ kien qed jikkontesta, ir-referee jbiddel id-deċiżjoni u jagħti raġun għat-talba li tkun saret mill-kowċ, din il-kard ma tintilifx. Dan ifisser li kard, tintilef biss, meta wara li tkun saret talba minn kowċ biex ir-referee jirrevedi inċident speċifiku, u wara li l-azzjoni tkun eżaminata, ir-referee ma jbiddilx id-deċiżjoni tiegħu.
F’dawn l-aħħar jiem u ġimgħat, l-MFA flimkien mal-MPL, mexxew laqgħat mal-klabbs, l-aktar dawk tal-Malta Premier, biex jispjegaw u jiddiskutu l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema.
//= $special ?>

