Lokali Parlament

Il-Ministru tas-Saħħa ma jafx kemm tħallsu Steward

Il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela iddikjara fil-parlament li ma jafx kemm fil-fatt tħallsu Steward fl-iskandlu tal-isptarijiet.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tax-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Adrian Delia, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela sab diffikultà wkoll jikkonferma li hu ra s-sentenza tal-arbitraġġ u ddikjara biss li “rajniha”.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia staqsa kif minkejja li jirriżulta li tħallsu €900 miljun lil Vitals u Steward, jirriżulta li ma sarux ix-xogħlijiet li kellhom isisru fl-Isptar San Luqa, Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hu staqsa kemm fil-fatt kien l-ammont li ħallsa il-Gvern Malti lil Vitals u Steward, jekk jaqbilx li l-poplu ma ħax il-valur veru tal-miljuni tħallsu, jekk rax il-ġudizzju tal-arbitraġġ u jekk jaqbilx li dan għandu jkun pubblikat.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li l-arbitraġġ ra kemm irċeviet Steward u dak li kien dovut lejhom. Is-somom ma ħadimhomx Robert Abela iżda t-Tribunal tal-Arbitraġġ fejn kien hemm is-sottomissjonijiet ta’ Steward u tal-Gvern. Il-Ministru Abela sostna li hu konvint mill-ħiliet tal-professjonisti Maltin li ddefendew il-każ.

Il-Ministru Joe Etienne Abela qal li l-Prim Ministru diġà qal li m’għandux problema jippubblika l-proċeduri tal-arbitraġġ. Hu qal li ma jafx iċ-ċifra bl-ammont ta’ kemm tħallsu Steward iżda ċ-ċifri jinsabu fil-proċeduri. Il-Ministru tas-Saħħa sostna li s-sentenza tal-arbitraġġ “rajniha”. Dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fi mien Gvern Nazzjonaista, il-Ministru tas-Saħħa qal li dan kien qisu Bagdad.