Lokali

Il-Partit Nazzjonalista kommess li jiddefendi lill-bdiewa

Lill-bdiewa Maltin u Għawdxin hemm bżonn li nissalvagwardjawhom kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Ritratt: Catriel Farrugia

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu mal-Għaqda Bdiewa Attivi li minn naħa tagħhom spjegaw id-diversi sfidi li huma bħala bdiewa jħabtu wiċċhom magħhom. Fosthom il-kompetitivita, u r-riżorsa tal-ilma u tal-art kif ukoll in-nuqqas ta’ riżorsa umana, u l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-bexx.

Waqt din il-laqgħa, Malcolm Borg il-koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, spjega li l-kompetittività hija r-raġuni ewlenija għalfejn il-bdiewa żgħażagħ mhux jidħlu jaħdmu f’dan is-settur minkejja li jkollhom interess li jagħmlu dan.

Ritratt: Catriel Farrugia

Hu tenna li l-bdiewa jaffaċċjaw ħafna burokrazzija, u barra minn hekk jirċievu l-inqas ratio ta’ pagamenti diretti mill-Ewropa. U kien propju għalhekk li l-Kap tal-PN saħaq li l-bdiewa għandhom ikunu salvagwardjati anka fuq livell Ewropew

Malcolm Borg żied jgħid li l-prezz tal-art f’Malta huwa l-ogħla fl-Ewropa, dan apparti li qed jaffaċċjaw sfidi dwar l-aċċess tal-ilma li huwa tant essenzjali għalihom,  hekk kif fost oħrajn hemm problema fl-immaniġjar tas-sistema tan-New Water – fejn jew jinqata’ l-aċċess għall-ilma jew jingħataw ammont differenti minn dak li jkollhom bżonn.

Ritratt: Catriel Farrugia

Il-koordinattur tal-Għaqda Bdiewa Attivi spjega wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u lix-Shadow Minister Toni Bezzina, li f’Malta l-bdiewa ma jingħatawx aċċess għall-istess amont ta’ bexx daqs bdiewa oħra fl-Ewropa u din toħloq kompetizzjoni inġusta.

Il-bdiewa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u ma’ Toni Bezzina ddiskuttew ukoll, kif l-Awtorità tal-Ippjanar ilha żmien ma taġġusta r-Rural Design Guidelines li jagħtu gwida dwar kif jinbnew strutturi bħal serer u coldrooms.