Lokali

Il-PN jisfida lill-Prim Ministru juri l-irċevuti tad-€900,000,000 li tajna lil Steward u jippubblika d-deċiżjoni sħiħa tal-arbitraġġ

Robert Abela ħareġ ikanta l-vittorja u jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi kollu li sal-lum għadu bla ebda sptar ġdid, waiting lists ma jispiċċaw qatt u sptarijiet preżenti fi stat abbandunat.

Dan hu dak li ħareġ mill-konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ il-Partit Nazzjonalista propju quddiem l-Isptar San Luqa; wieħed mill-isptarijiet li suppost ġew rinovati sabiex il-poplu jieħu l-kura li jixraqlu.

Ix-Shadow Minister Adrian Delia qal li l-Partit fil-Gvern qed jerġa’ jiffoka l-ħin tiegħu jiddefenti lil min frodana filwaqt li sfida lil Robert Abela u Joseph Muscat jelenkaw dak li għamlu l-Vitals bid-900 miljun ewro li l-Gvern baqa’ itihom sakemm intemm il-kuntratt – wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża li kien fetaħ Adrian Delia stess.

Apparti min hekk Adrian Delia stqarr wkoll li l-Gvern mhux biss qed jidħaq bil-poplu iżda qed jaħbi l-verità sabiex jiddefendi l-interessi ta’ dawk l-istess nies li kienu kompliċi ma’ Vitals u Steward f’dan l-akbar skandlu fl-istorja ta’ pajjiżna.

B’Adrian Delia jappella sabiex il-Gvern jippublika l-konklużjonijiet tat-tribunal filwaqt li jippublika wkoll id-difiża u l-mod kif il-Gvern kkonfronta l-Vitals u Steward fl-istess proċeduri tal-arbitraġġ internazzjonali.

Min naħa l-oħra x-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li jinsab iddispjaċut li l-Gvern qed jerġa’ jipprova jiġġustifika dak li l-Qorti ddikjarat li kien frodi, filwaqt li esprima l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li minħabba din il-fordi il-pazjenti Maltin baqgħu bla investiment imwiegħed fis-saħħa; b’waiting lists li ma jispiċċaw qatt, u Sptarijiet li mhux ilaħħqu mad-domanda li żdiedet f’dawn l-aħħar snin biż-żieda bl-addoċċ fil-popolazzjoni – b’detriment wkoll fuq il-ħaddiema tal-Isptarijiet tagħna.

Intant Stephen Spiteri qal li l-Gvern Laburista m’għandux għal qalbu s-saħħa tal-poplu Malti, għaliex wara li kien jaf li ser jgħabbi lil pajjiżna b’eluf ta’ ħaddiema barranin, mhux talli ma’ investiex sabiex is-settur tas-saħħa ilaħħaq mad-domanda, iżda talli issa ser ikollna nħallsu 5 miljun ewro oħra lil min ma ġabx l-investiment li wiegħed.