Lokali

Il-PN jikkundanna l-immaniġġjar dilettantesk tal-picnic area f’Ta’ Qali

Wara l-isfreġju mwettaq bil-kisi biż-żrar, il-lejl li għadda ntbagħtu bowsers tal-ilma biex isaqqu ż-żrar f’tentattiv iddisprat

L-Oppożizzjoni tikkundanna l-immaniġġjar dilettantesk taż-żona tal-picnics f’Ta’ Qali u titlob azzjoni immedjata. Jason Micallef – li jmexxi l-management tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali – għandu jwarrab is-suppervja u jieħu passi biex din iż-żona, li tant hija mfittxija mill-familji għar-rilassament, terġà tinbidel fi spazju ħadrani, naturali u sigur għall-familji.

Sostnew dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg u x-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit, fi stqarrija fejn qalu kif Ilbieraħ kellna turija oħra ta’ disprament hekk kif bowsers tal-ilma kienu qegħdin isaqqu ż-żrar fis-satra tal-lejl. Id-Delegat Speċjali ta’ Robert Abela  donnu ma kienx konvint li x-xita kienet biżżejjed biex tkabbar il-ħaxix minn qalb is-saffi ta’ żrar fuq dak li s-soltu kien ikun tapit aħdar naturali.

Minflok ma jisma’ l-kritika leġittima tal-pubbliku u l-esperti, Micallef dejjem wieġeb bl-unika mod li jaf: b’mod konfrontattiv u vendikattiv.

Ix-Shadow Ministers sostnew li l-ħaxix ma reġax kiber wara l-interventi li saru, bl-unika rqajja’ ħodor ikunu fejn ma ntefax żrar u fejn ġiet esposta l-ħamrija naturali.

Sfortunatament, dan l-eżempju mhuwiex każ iżolat. Il-picnic area f’Ta’ Qali saret emblematika tal-approċċ qerriedi tal-Gvern Laburista lejn l-ambjent: proġetti li jsiru taħt il-paraventu ta’ “titjib”, iżda fil-prattika jħallu warajhom biss qerda u distruzzjoni tal-ispazji naturali u l-karattru tagħhom.

Barra minn hekk, l-interventi u strutturi li kienu nbnew fuq il-post saru mingħajr il-permessi meħtieġa. L-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tinkludi “gravel paths” għadha fil-fażi ta’ screening; għalhekk m’hemm l-ebda deċiżjoni finali u lanqas saret konsultazzjoni pubblika dwar il-materjal li qed jiksi l-ħamrija jew dwar l-istrutturi miżjuda.

Ix-Shadow Ministers temmew jisħqu li l-Gvern ma jistax jinvoka bidliet reċenti fid-Development Notification Order (DNO) biex jiġġustifikahom, peress li l-istrutturi nbnew xhur qabel daħal fis-seħħ l-avviż legali.