Il-Ministru tal-Familja Michael Falzon qal b’mod ċar u tond li huwa inevitabbli li jkollok faxxa fil-pajjiż li jsofru mill-faqar. U meta kien mistoqsi jekk jitħassibx għall-fatt li f’diskors ta’ sagħtejn id-dokument tal-budget ma kienx jinkludi darba l-kelma faqar jew referenza għal foqra, Falzon stqarr li l-faqar f’ekonomija ma tistax tevitah.
Ċifri maħruġa mill-NSO urew li dawk il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar qed jiżdiedu, kemm qalb dawk taħt it-18-il sena kif ukoll qalb dawk li għandhom 65 sena ‘il fuq.
B’kollox sal-2024 kien hawn aktar minn 92,000 persuna f’pajjiżna li huma f’riskju ta’ faqar – persuni li dan il-budget nesihom għal kollox la darba huma single, jew miżżewġin mingħajr ulied.
Intant…fit-Times….tlett esperti, inkluż l-eks kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores, saħqu li stennew aktar minn dan il-budget f’dak li għandu x’jaqsam kwalità tal-ħajja – b’Azzopardi Flores fost oħrajn saħaq li pretenda aktar f’dak li għandu x’jaqsam housing u kirjiet.
Iżda lil’hinn mill-budget, Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon għaliex il-Gvern għadu qed isabbat saqajh fuq livell ta’ Eżekuttiv milli jippreżenta u jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tal-Membri tal-Kabinett.
Bil-Ministru jgħid li hu m’għandux problema, tant li hu li ppreżenta kollox, kemm dik parlamentari kif ukoll bħala membru tal-Kabinett.
Madanakollu għal xi raġuni, il-Prim Ministru Robert Abela qed jirrifjuta li jippublikahom.
Id-differenza bejn waħda u oħra – ċioè bejn il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi tal-Membri Parlamentari u dik tal-Kabinett huma ċari.
Dan għaliex il-leġiżlattiv m’għandu qatt jitgħaġen u jiġi ħaġa waħda mal-livell Eżekuttiv għaliex tkun qed tħallat totalment żewġ pilastri tad-demokrazija, u t-tieni hi li id-dikjarazzjoni tal-assi tal-kabinett jidħlu aktar fid-dettall…fosthom rigali, u kunflitti ta’ interess – dikjarazzjonijiet li mhux biss jiggarantixxu trasparenza iżda integrità u kontabbiltà mill-eżekuttiv.
Bid-domanda tasal waħedha, la darba m’hemm xejn x’taħbi u ebda lok ta’ suspett għalfejn il-Prim Ministru qed jibqa’ jwebbes rasu għal dawn is-snin kollha?
//= $special ?>
