Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ xahar ħabs wara li saq karozza bla liċenzja

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, kkonfermat is-sentenza ta’ xahar ħabs effettiv imposta fuq Xemizin McKay wara li dan kien ammetta li saq vettura mingħajr liċenzja u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni. Dan kien seħħ nhar is-17 ta’ Ġunju 2023 għall-ħabta a’ 2.30pm. ġewwa Triq Buqana, Limiti tar-Rabat.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberatu mill-akkużi ta’ nuqqas ta’ kontroll u ta’ ostakolu fil-mogħdija tat-traffiku minħabba preskrizzjoni, iżda sabitu ħati fuq l-ewwel żewġ akkużi u ddikjaratu reċediv. Minbarra l-piena ta’ xahar ħabs, ġiet applikata wkoll skwalifika ta’ sena u tliet xhur milli jżomm jew jikseb liċenzja tas-sewqan.

Fl-appell tiegħu, McKay talab li l-piena tiġi mnaqqsa billi qal li kien ammetta kmieni, kellu 19-il sena meta seħħ il-każ u li issa kien miexi fit-triq it-tajba. Madankollu, il-Qorti tal-Appell irrimarkat li hu kien diġà kkundannat għal reati identiċi u, minkejja s-sospensjoni tal-liċenzja tiegħu, reġa’ saq vettura inqas minn xahar wara d-deċiżjoni tal-qorti.

Il-Qorti tal-Appell qalet li, fl-uniku aggravju mressaq minnu, l-appellant jilmenta illi l-piena erogata fil-konfront tiegħu mill-Ewwel Qorti ta’ xahar priġunerija effettiva hija waħda inġusta ferm, u dana tenut kont li huwa rreġistra ammissjoni bikrija, kien għad kellu 19-il sena fiż-żmien tal-kummissjoni tar-reat u li llum miexi fit-triq it-tajba.

Illi, primarjament, ġie stabbilit b’mod kopjuż fil-ġurisprudenza illi qorti ta’ reviżjoni bħala regola ma tbiddilx il-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti, kemm-il darba ma jkunx jirriżulta li dik l-piena mogħtija kienet b’xi mod “wrong in principle” jew “manifestament eċċessiva”.

Il-piena inflitta fuq l-appellant kienet waħda fil-parametri tal-liġi fejn l-ewwel imputazzjoni ġġorr il-piena tal-multa ta’ mhux aktar minn €1,200 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn sena, filwaqt li t-tieni imputazzjoni li dwarha l-appellant instab ħati, il-piena prospettata hija dik ta’ multa bejn €4,658.75 u €5,823.43 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn sitt xhur, jew dik il-multa u priġunerija flimkien.

Għalhekk ċertament li l-piena ta’ xahar priġunerija tinsab fil-parametri tal-liġi għalkemm hija waħda ta’ ħabs effettiv li McKay qed isib oġġezzjoni għaliha. Illi, għalkemm huwa minnu li l-appellant irreġistra ammissjoni għall-ewwel żewġ imputazzjonijiet miġjuba kontrih u ċioe’ dak ta’ sewqan mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni, madanakollu il-Qorti lanqas ma tistax tinjora iċ-ċirkostanzi li fih l-att inkriminatorju kien mwettaq mill-appellant.

Mill-atti jemerġi illi l-akkużat kien imwaqqaf minn Surġent tal-Pulizija filwaqt li kien qiegħed wieqaf f’nofs ta’ triq jagħlaq il-karreġġjata tat-traffiku mimdud ifittex pakkett tas-sigaretti fuq in-naħa tal-passiġġier.
Illi mhux biss iżda, għalkemm l-appellant kien diġà misjub ħati tar-reati identiċi bil-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi sospiża minn din il-Qorti għal żmien sena dekoribbli mill-31 ta’ Mejju 2023, huwa għażel xorta waħda li jisfida d-deċiżjoni tal-Qorti.

Għalhekk il-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti tirrifletti dawn il-fatt u ċirkostanzi ferm gravi għalkemm l-appellant irreġistra ammissjoni għall-ewwel żewġ imputazzjonijiet. Dan għaliex għalkemm huwa kien mogħti opportunita’ minn din il-Qorti sabiex jagħraf l-iżbalji tiegħu u ngħata piena alternattiv għal dik tal-inkarċerazzjoni, xorta waħda fi żmien ġimgħatejn huwa reġa’ ikkommetta l-istess reati bħal donnu ilpiena li kien ingħata ma kienet tiswa għal xejn.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qieset li ma setgħetx terġa’ tagħtih il-fiduċja u li l-piena ta’ ħabs effettiva kienet xierqa u fil-limiti tal-liġi. Għalhekk, l-appell ġie miċħud u s-sentenza tal-ewwel qorti ġiet ikkonfermata, bil-perjodu ta’ sospensjoni tal-liċenzja jibda jgħodd mid-data li McKay jiġi skarċerat.