Knisja Lokali

L-Arċisqof jiltaqa’ man-nies u jiffirma l-kotba fil-Festival tal-Ktieb

L-Arċidjoċesi ta' Malta tieħu sehem għall-ewwel darba


L-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jiffirma l-aħħar edizzjoni tal-ktieb tal-omeliji tiegħu, Kelma ta’ Ħabib, fl-aħħar jum tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se tibda minn għada u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta, li se tipparteċipa għall-ewwel darba f’dan il-Festival bħala esebitur, se ttella’ programm ta’ attivitajiet interattivi, edukattivi, spiritwali u kulturali fl-istand tagħha.

Matul il-Festival, il-pubbliku mistieden jipparteċipa f’kwiżż interattiv organizzat mill-Fondazzjoni Biblika Maltija: ‘Kemm taf dwar il-Bibbja?’. Permezz tiegħu l-parteċipanti jistgħu jiskopru aktar dwar il-Bibbja kif ukoll jirbħu edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti.

Għat-tfal se jkun hemm sessjonijiet interattivi organizzati mill-entità Żvilupp Spiritwali fl-Iskejjel (Spiritual Development in Schools – SDS) maħsuba biex iqanqlu l-kurżità, l-għerf, it-tama, il-gratitudni u s-sens ta’ stagħġib. Wara li jinqraw tliet stejjer differenti, it-tfal jiġu mistiedna jiktbu t-talb jew il-mistoqsijiet tagħhom lil Alla fuq post-it notes, li wara jitwaħħlu ma’ tubu bil-bżieżaq bħala simbolu tat-talb tagħhom tiela’ ’l fuq fis-sema.

Is-Sibt u l-Ħadd se ssir narrazzjoni interattiva ta’ stejjer mill-Bibbja għat-tfal, waħda mmirata għaż-żgħar u l-oħra għal tfal ftit ikbar fl-età. Din se tittella’ mill-Fondazzjoni Biblika Maltija u l-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT).

L-awtriċi Lara Fenech se tkun qed tistieden lit-tfal biex permezz tal-ktieb ġdid tagħha, When I Grow Up: Heidi’s Show and Tell, jidħlu f’dinja ġdida mimlija ħolm, ġentilezza u faraġ spiritwali.
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb hu organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’ Qali.