Futbol Sport

Liverpool jegħlbu lil Real Madrid f’Anfield… Arsenal u Bayern jibqgħu perfetti

F’Anfield rebħa minima ta’ 1-0 għal Liverpool fuq Real Madrid. Minkejja li l-iskor jixhed rebħa minima, Real Madrid jirringrazzjaw lill-goalkeeper Thibaut Courtois li salva numru ta’ konklużjonijiet ta’ Liverpool, b’Real Madrid ftit li xejn ikunu perikolużi.

Il-partita rat ukoll ir-ritorn ta’ Trent Alexander Arnold ma’ Liverpool wara t-trasferiment kontroversjali tiegħu matul is-saf li għadda. Il-gowl uniku tal-partita wasal fil-61 minuta meta minn cross ta’ Dominik Szoboszlai kien Alexis Mac Allister li bir-ras xellef il-ballun fix-xibka u ma ta l-ebda ċans lil Courtois isalva.

Fir-Repubblika Ċeka Arsenal żammew ir-rekord perfett tagħhom fil-UEFA Champions League meta għelbu lil Slavia Prague bl-iskor ta’ 3-0. B’dan ir-riżultat il-Gunners rebħu r-raba’ partita tagħhom mingħajr ma sofrew ebda gowl f’din il-kompetizzjoni dan l-istaġun. Arsenal fetħu l-iskor fit-32 minuta meta r-referee ordna penalty meta l-plejer ta’ Slavia Prague deher imiss il-ballun b’idu.

Mill-ħdax-il metru inkariga ruħu Bukayo Saka li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Jakub Markovic għal 1-0. Arsenal irduppjaw mal-ftuħ tat-tieni taqsima meta din id-darba minn cross mix-xellug ta’ Leandro Trossard kien l-Ispanjol Mikel Merino li b’konklużjoni preċiża għeleb lil goalkeeper għal 2-0. It-tielet gowl wasal fit-68 minuta meta din id-darba kien Declan Rice li sab lill-istess Merino li bir-ras xeħet fix-xibka għal 3-0.

F’partita oħra Bayern Munich għelbu liċ-champions PSG bl-iskor ta’ 2-1. Kienu Bayern li fetħu l-iskor permezz ta’ Luis Diaz wara erba’ minuti, bl-istess Diaz jirdoppja fit-32 minuta. PSG naqqsu d-distakk fl-74 minuta minn gowl ta’ Joao Neves.

Riżultati: Napoli v E.Frankfurt 0-0, S.Prague v Arsenal 0-3, A.Madrid v U.St Gilloise 3-1, Bodoe v Monaco 0-1, Juventus v Sporting 1-1, Liverpool v R.Madrid 1-0, Olympiacos v PSV 1-1, PSG v B.Munich 1-2, Spurs v Copenhagen 4-0