Raġel ġie illiberat minn akkużi li ffroda lill-Gvern mid-dazju u s-sisa fejn jidħlu s-sigaretti. Il-każ nstema’ quddiem il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech u kien jikkonċerna lil John Bonello, ta’ 46 sena, fuq talba tad-Direttur Ġenerali tad-Dwana, li talab biex jiġi investigaat.
L-akkużi kienu relatati ma’ żewġ każi separati ta’ pussess u bejgħ ta’ sigaretti bi prezz li kien jeċċedi dak stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur, b’intenzjoni li jiġi ffrodat il-Gvern mid-dazju tas-sisa u mit-taxxa dovuta fuqhom, kif ukoll b’akkuża ta’ reċidiva.
Il-każ jmur lura għas-2 ta’ Marzu 2018, meta waqt spezzjoni mill-Uffiċjali tad-Dwana ġewwa l-ħanut “Hole in the Wall” fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan, instabu kwantitajiet ta’ sigaretti ta’ marki differenti li kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet ogħla mill-prezz bl-imnut stabbilit.
Is-sigaretti kienu jinkludu marki bħal Marlboro, Vogue, Rothmans, Dunhill, Royals, Du Maurier, Lucky Strike u Camel. Skont id-dokumenti tad-Dwana, dawn is-sigaretti kienu jġorru dazju tas-sisa ta’ €10.53 u taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ €6.94 li ma kinux ġew imħallsa.
Aktar tard, fit-15 ta’ Marzu 2018, saret tfittxija oħra fl-istess ħanut, fejn reġgħu nstabu kwantitajiet kbar ta’ sigaretti minn marki oħra bħall-Rothmans, Marlboro, Super Kings, L&B, u Pall Mall, li wkoll kienu jinbiegħu bi prezzijiet mhux konformi mal-liġi. Anke f’dan il-każ, irriżulta li ma kienx ġie mħallas id-dazju tas-sisa u l-VAT dovuti, li kienu jammontaw għal €34.55 u €22.79 rispettivament.
Il-prosekuzzjoni sostniet li Bonello, bħala sid jew responsabbli mill-ħanut, kellu għarfien li dawn is-sigaretti kienu qed jinbiegħu bi ksur tal-liġi u li dan sar bl-intenzjoni li jiġi evitat il-ħlas tad-dazji u t-taxxi dovuti lill-Gvern. Barra minn hekk, ġiet attribwita lilu li sar reċidiv.
Matul il-proċess instemgħu x-xhieda kollha tal-prosekuzzjoni u tad-difiża. Fosthom xehed Christopher Galea, Spettur tad-Dwana, li ppreżenta l-“letter to prosecute” maħruġa mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana u n-noti ta’ qbid (seizure notes) bin-numri 78/2018 u 117/2018. Ix-xhud spjega li l-funzjoni tiegħu kienet amministrattiva, jiġifieri li joħroġ id-dokumenti formali skont l-istruzzjonijiet li jirċievi, iżda ma kienx hu li wettaq l-investigazzjoni.
Xhud ieħor, Hilary Fenech, uffiċjal tad-Dwana, xehed li nhar it-2 ta’ Marzu 2018 huwa u kollegi tiegħu ġew mibgħuta għall-ispezzjoni fl-istabbiliment “Hole in the Wall”. Meta waslu, sabu impjegat li qalilhom li s-sid ma kienx preżenti. Ftit wara wasal l-imputat, li identifika ruħu bħala John Bonello, u li miegħu nżamm djalogu dwar il-prezzijiet tas-sigaretti.
Bonello ngħata spjegazzjoni dwar ir-raġuni tal-ispezzjoni u ntalab juri l-prezzijiet u r-riċevuti. L-uffiċjali tad-Dwana qablu l-prezzijiet immarkati fuq l-ixkafef ma’ dawk stabbiliti mill-manifattur u sabu differenza ta’ madwar 20 ċenteżmu fuq kull pakkett.
Ix-xhud Fenech kompla jispjega li l-imputat kien qalilhom li xtaq jikkonsulta mal-avukat tiegħu, u dan għamel fil-ħin tal-ispezzjoni stess, fejn l-avukat tkellem ukoll mal-uffiċjali tad-Dwana. Huwa kkonfermaw li dakinhar ma nfetħux is-sigaretti fuq il-post u li l-ħidma tad-Dwana kienet limitata għall-ġbir tal-prodotti u għall-verifika tal-prezzijiet. Qal ukoll li ma kienx jaf li missier l-imputat kellu l-istess isem.
Christopher Grixti, uffiċjal tad-Dwana, xehed li fit-2 ta’ Marzu 2018, meta hu u kollegi tiegħu daħlu fil-ħanut imsemmi, identifikaw ruħhom mas-sid u osservaw il-prezzijiet li bihom kienu qed jinbiegħu s-sigaretti.
Huwa spjega li l-prezzijiet kienu ogħla milli suppost, u għalhekk infurmaw lis-sid li kellhom jiġbru s-sigaretti minħabba d-differenza fil-prezz. Madankollu, is-sid ma qabilx magħhom u qal li ma kellux għalfejn jgħaddilhom is-sigaretti għax kienu sigaretti “bil-bandrol tad-Dwana”.
Meta l-Qorti staqsiet kif kienu jafu li l-prezzijiet kienu għoljin, ix-xhud qal li kellhom lista uffiċjali bil-prezzijiet korretti u vverifikaw li dawk fil-ħanut kienu ogħla. Huwa spjega wkoll li l-prezzijiet kienu mniżżla taħt is-sigaretti fuq l-ixkafef.
Meta ġie mistoqsi jekk xi ħadd spjegax lill-fizzjali li kien hemm xi “service charge” jew tariffa oħra, Grixti qal li le, ħadd ma spjegalhom xejn. Żied jgħid li ma tawx “caution” lis-sid, għax bħala uffiċjali tad-Dwana ma jżommux persuni iżda l-oġġetti nfushom – f’dan il-każ, is-sigaretti. Huwa kompla jispjega li kollega tiegħu, Marsette Ellul, kienet xtrat pakkett sigaretti minn dawk li kienu qed jinbiegħu bl-għoli, u ngħatat irċevuta waħda.
L-Ispettur Matthew Caruana, ukoll mid-Dwana, spjega li kien involut fil-kalkolu tat-taxxi dovuti fuq id-differenza tal-prezz. Huwa ppreżenta dokument li juri d-differenza bejn il-prezzijiet, inkluż l-excise duty, il-VAT u l-penali relatati. Spjega li d-differenza kienet tikkonsisti f’23.4% tal-prezz bl-imnut flimkien ma’ tariffa ta’ €107 għal kull elf sigarett, u mbagħad kien hemm ukoll 18% VAT fuq id-differenza tal-prezz.
L-Ispettur Anthony Bonello kkonferma li kien involut fil-kalkolu tat-taxxi flimkien ma’ Caruana u spjega li d-differenzi kienu jitħaddmu fuq template tal-kompjuter li jikkalkula l-excise duty u l-VAT fuq kull pakkett li kien qed jinbiegħ għoxrin ċenteżmu aktar. Huwa kkonferma wkoll li qatt ma ra s-sigaretti personalment, imma kien sempliċement jivverifika l-kalkoli magħmula minn kollegi tiegħu.
Brian Galea, Senior Inspector tad-Dwana, spjega li fid-15 ta’ Marzu 2018, il-Dipartiment tad-Dwana rċieva rapport li fil-ħanut Hole in the Wall kienu qed ibiegħu sigaretti bi prezz ogħla. Huwa mar fuq il-post, xtara pakkett sigaretti, u nnota li flok €5.70 ħallas €5.90.
Meta staqsa r-raġuni, il-ħaddiem barrani li kien hemm qallu li kien hemm “service charge” ta’ €0.20. Wara dan, l-uffiċjali għamlu l-konfiska tas-sigaretti kollha fil-ħanut, li ammontaw għal aktar minn 700 pakkett. Il-pakketti kollha kienu ssiġġillati u ttieħdu bħala prova.
Galea spjega wkoll li l-irċevuta li ngħatat kienet turi n-numru tal-VAT tal-ħanut. Meta l-uffiċjali riedu jieħdu s-sigaretti, is-sid tal-ħanut ma riedx jagħtihom u kien meħtieġ li jiġu l-Pulizija biex jassistu. Wara li waslu l-Pulizija, is-sigaretti ġew ikkonsenjati.
L-Ispettur Emanuel Mifsud xehed li wkoll kien preżenti għal din l-ispezzjoni u kkonferma li l-prezzijiet kienu ogħla bi €0.20 mill-prezz uffiċjali. Hu spjega li skont il-liġi Maltija, ma jistax jinbiegħ tabakk bi prezz differenti minn dak approvat mill-Gvern.
Meta ġie mistoqsi jekk tawx il-caution lill-imputat, Mifsud wieġeb li le, imma kienu identifikaw ruħhom bħala uffiċjali tad-Dwana. Huwa żied jgħid li kien hemm persuna barranija fil-ħanut li qallu li s-sid kien ġej, u li meta wasal l-imputat, deher b’mod ċar li kien hu s-sid, kemm mill-mod kif tkellem kif ukoll mill-awtorità li wera.
L-Ispettur Frida Muscat ikkonfermat ukoll li kienet preżenti fl-istess spezzjoni u li kollega tagħha xtara pakkett sigaretti li kien jiswa €5.70 flimkien ma’ “service charge” ta’ €0.20, kif kien imniżżel fuq l-irċevuta. Huma ħadu s-sigaretti u ħarġu formola withheld għal aktar investigazzjoni. Meta ġiet mistoqsija jekk ivverifikatx jekk l-imputat kienx is-sid tal-ħanut, hija qalet li kien hu stess li qalilhom li kien is-sid u ta’ d-dettalji tiegħu, inkluż l-ID u l-indirizz.
Il-qorti semgħet ukoll is-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni u tad-difiża dwar il-piena u r-responsabbiltà kriminali. Wara li eżaminat l-atti kollha u l-provi prodotti, il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech kkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed elementi ta’ prova diretta li jorbtu lil John Bonello personalment mal-pussess jew il-bejgħ illegali tas-sigaretti, jew li jipprovaw li kellu l-intenzjoni li jiffroda lill-Gvern billi jevita l-ħlas tad-dazji u t-taxxi dovuti.
Wara li eżaminat bir-reqqa l-atti kollha tal-proċess, il-Qorti osservat li kien hemm nuqqas serju ta’ prova mill-prosekuzzjoni li dgħajjef il-każ b’mod sostanzjali. Din in-nuqqas kienet tikkonsisti fl-assenza ta’ xhieda ċentrali mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-VAT, li setgħu faċilment jikkonfermaw jekk l-imputat kienx irreġistrat bħala n-negozjant li jopera bil-VAT number li deher fuq l-irċevuti maħruġa mill-ħanut Hole in the Wall.
Minkejja li tali xhud kien issemma mill-istess Direttur Ġenerali tad-Dwana fil-letter of prosecution mibgħuta lill-Kummissarju tal-Pulizija, il-prosekuzzjoni qatt ma ressqet lil dan ir-rappreżentant biex jixhed. L-unika referenza għall-imputat bħala “trader” marbuta ma’ dak in-numru tal-VAT kienet tinsab f’dokumenti amministrattivi li saru mill-uffiċjali tad-Dwana li kienu sempliċement ikkalkulaw il-penali, it-taxxi u d-dazju dovuti fuq id-differenza fil-prezz tas-sigaretti, iżda li qatt ma kkonfermaw ir-relazzjoni diretta bejn l-imputat u dak in-numru ta’ reġistrazzjoni.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti ma setgħetx tneħħi d-dubju dwar ir-responsabbiltà diretta tal-imputat, iktar u iktar meta ġie ċċarat li l-imputat kellu l-istess isem bħal missieru, fatt li ġie ppruvat permezz ta’ ċertifikat tat-twelid iżda li l-prosekuzzjoni naqset li tispjegah jew tiddistingwih fil-provi tagħha.
Il-Qorti mbagħad indirizzat ukoll l-argument tad-difiża li sostniet li ma ġietx prodotta prova li l-pakketti fis-sekwestru kienu effettivament jikkonsistu f’tabakk. Barra minn hekk, l-uffiċjali tad-Dwana, inkluż l-Ispettur Emanuel Mifsud, xehed li kien fetħilhom personalment u kkonferma li kien fihom tabakk. Kien hemm ukoll prova indiretta — ir-riħa tat-tabakk u l-fatt li dawn is-sigaretti kellhom il-bandrol tad-Dwana — li kkonfermat li ma kenux prodotti tal-kuntrabandu. Il-Qorti għalhekk qieset li ġie ppruvat biżżejjed li l-oġġetti maqbuda kienu sigaretti kontenenti tabakk.
Fil-kunsiderazzjonijiet legali tagħha, il-Qorti tenfasizza l-prinċipju fundamentali li l-oneru tal-prova fil-kamp kriminali jaqa’ kollu fuq il-prosekuzzjoni, li trid tipprova l-ħtija tal-imputat “lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni.”
Wara li qieset dan il-kuntest, il-Qorti osservat li meta l-uffiċjali tad-Dwana marru għall-ewwel spezzjoni, l-imputat ma kienx preżenti u deher biss aktar tard fuq sejħa ta’ impjegat barrani. Waqt it-tieni spezzjoni, kien impjegat ieħor barrani li biegħ il-pakkett tas-sigaretti u spjega li kien hemm “service charge” ta’ 20 ċenteżmu.
L-irċevuta ma kinitx prova biżżejjed biex torbot direttament lill-imputat ma’ dak il-bejgħ, u l-prosekuzzjoni naqset milli tistabbilixxi r-relazzjoni bejn in-numru tal-VAT fuq l-irċevuta u l-imputat. Għaldaqstant, minkejja li seta’ jkun probabbli li l-imputat kien responsabbli mill-operat tal-ħanut, il-livell ta’ prova meħtieġ fil-kamp kriminali ma ntlaħaqx.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti kkonkludiet li ma setgħetx tikkonvinċi ruħha moralment li l-provi mressqa mill-prosekuzzjoni kienu biżżejjed biex jistabbilixxu l-ħtija tal-imputat lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Għaldaqstant, il-Qorti liberat lill-imputat minn kull akkuża.
Madankollu, minħabba l-obbligu legali li l-oġġetti maqbuda jiġu kkonfiskati irrispettivament mis-sejbien ta’ ħtija jew le, il-Qorti ordnat il-konfiska tas-sigaretti kollha mertu ta’ dawn il-proċeduri. Fl-aħħar nett, il-Qorti, ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, lill-Ministru tal-Ġustizzja, u lill-Ministru tal-Finanzi sabiex jiġu kkunsidrati emendi leġiżlattivi neċessarji dwar il-funzjonijiet u l-obbligi tal-uffiċjali tad-Dwana, b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li dawn jagħtu twissija (“caution”) qabel jiġbru kwalunkwe informazzjoni mingħand persuni suspettati.
Il-qorti nnutat ukoll ċirkostanzi li jħallu dubju raġonevoli dwar min kien effettivament responsabbli mill-ġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fl-istabbiliment.
Għaldaqstant, billi l-prosekuzzjoni naqset milli tissodisfa l-piż tal-prova skont il-livell meħtieġ mil-liġi kriminali, il-Qorti ddeċidiet li tiddikjara lil John Bonello mhux ħati mill-akkużi miġjuba kontrih u għalhekk ħelsitu mill-akkużi kollha.
//= $special ?>

