Il-futbol Serb għadu qed jibki t-telfa tal-kowċ Mladen Žižović, li nhar il-Ħadd li għadda miet wara li ħassu ħażin waqt partita mis-Super Liga tal-pajjiż, bejn Radnički 1923 u Mladost.
Žižović, li hu eks plejer internazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, kien ilu biss ftit jiem fil-kariga ta’ kowċ ta’ Radnički 1923. Hu kien żveltat mill-klabb bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom, fit-24 t’Ottubru li għadda, bil-partita kontra Mladost kienet it-tielet logħba tiegħu fit-tmexxija. Žižović miet fit-triqtu lejn l-isptar wara li taħ attakk tal-qalb.
Bħal dan iż-żmien sena, Žižović kien fit-tmexxija tal-klabb Bożnijak ta’ FK Borac Banja Luka u fis-sajf tal-2024, waqt il-kampanja akkwisti tas-sajf, kien tefa’ għajneħ fuq l-internazzjonali Malti, Shaun Dimech.
F’nofs Ġunju, FK Borac Banja Luka kienu ħabbru l-akkwist ta’ Dimech wara li Žižović kien segwa mill-viċin lill-midfielder offensiv Malti, li sa dak iż-żmien kien qed jilgħab ma’ Valletta. Minkejja li Dimech kien iffirma mal-klabb Bożnijak, xahar wara, fit-22 ta’ Lulju 2024, kien sar magħruf li minħabba problemi fir-reġistrazzjoni tal-plejer Malti, fit-Transfer Market System, il-ftehim iffirmat bejn Dimech u l-klabb ta’ FK Borac Banja Luka, kellu jaqa’, b’konsegwenza li ż-żagħżugħ Malti rritorna Malta u ffirma ma’ Birkirkara.
Dimech għamel xahar jitħarreġ ma’ Žižović, u Net News tkellem mal-plejer ta’ 24 sena, biex jieħu l-ewwel reazzjoni tiegħu dwar l-aħbar tal-mewt ħabta u sabta, ta’ Žižović fl-etá ta’ 44 sena.
“Nistqar li għadni taħt xokk minn kif sirt naf bl-aħbar li miet kowċ Mladen Žižović. Meta fis-sajf ta’ sena llu, kont iffirmajt ma’ FK Borac Banja Luka, fil-Bożnija-Ħerzegovina, hu kien il-kowċ li emmen tant fiha u ħa d-deċiżjoni li nkun offrut kuntratt professjonali. Niftakar li fl-ewwel jiem tiegħi fil-Bożnija-Ħerzegovina, kowċ Žižović kien għeni ħafna,” ikkumenta Dimech ma’ Net News.
Dimech, li sal-lum lagħab 19-il darba mat-tim nazzjonali Malti u skorja darbtejn kompla jgħid li “appena wasalt fil-pajjiż, kelli laqgħa fit-tul miegħu, u mal-ewwel stajt nara fiħ il-karatteristiċi l-aktar importanti li jagħmluk kowċ professjonali, dixxiplinat u serju.”
L-eks plejer ta’ Valletta, tkellem dwar il-mod kif Žižović kien kapaċi jikkomunika mal-plejers tiegħu bħala kowċ.
“Fit-taħriġ li kien ikolli miegħu, dejjem kien jitkellem miegħi, u jgħidli x’nista’ nagħmel aħjar biex nitjieb. Fiż-żmien qasir li għamilt ma’ FK Borac Banja Luka, kumbinazzjoni kont ngħix fl-istess blokka ta’ appartamenti miegħu. Għalhekk kemm il-darba kelli l-opportunitá li nqattgħu ħin nitkelmu, anke fuq suġġetti lilhinn mil-futbol,” kompla jgħid Dimech.
Fl-aħħar sigħat kienu bosta dawk li tkelmu dwar il-karattru u l-personalitá ta’ Žižović, b’Dimech jiddeskriviħ bħala “raġel vera twajjeb u b’qalb tajba.”
F’kummenti li Dimech ta lil dan is-sit, hu stqarr li “għadni maħsud s’issa bl-aħbar. Dalgħodu kif qomt, sirt naf bl-aħbar mal-ewwel, u bagħtli messaġġ wieħed mil-plejers ta’ FK Borac Banja Luka biex jgħidli bil-mewt mhux mistennija ta’ kowċ Žižović. Kien għadu żgħir fl-etá u ma nistax nemmen b’dak li ġralu. Il-ħsibijiet tiegħi f’dan il-mument imorru fuq il-familjari tiegħu u min xiex għaddejin bħalissa. Nixtieq nesprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħi lilhom f’dan il-mument tant diffiċli.”
//= $special ?>

