Rebekah Borg
Ix-Shadow Minister
għall-Ambjent
Imma minflok, irċevejna aktar mill-istess: sett numri mfassla għall-aħbarijiet tal-ġurnata, mingħajr viżjoni għall-futur, bla tmexxija, u bla risposti għall-problemi li jħossu n-nies kuljum.
Kien hemm ftit miżuri pożittivi, imma meta tħares lejh fl-intier tiegħu kien diżappuntanti għal min stenna li se jindirizza ħafna iżjed mill-problemi pertinenti. L-istess miżuri żgħar li jiġu u jmorru, l-istess skemi li jippremjaw lill-ħbieb tal-ħbieb u jinjoraw lil dawk li tassew qed ibatu.
Baġit tal-istatistika, mhux tan-nies
Imbagħad hemm l-ambjent. Din is-sena l-Gvern adotta approċċ kemxejn differenti. Qagħad lura milli jwiegħed biex żgur ma jiddiżappunta lil ħadd. Il-ftit miżuri li sabu ruħhom fil-Baġit diġà kien wegħedhom qabel, bis-suċċess tagħhom ikun ikkontestat. Anzi, xi wħud minnhom saħansitra meqjusa bħala fallimenti.
L-ambjent huwa settur li l-Gvern iħobb ilibbes b’ħafna kliem sabiħ imma li ma jipproduċi ebda riżultat, anzi bil-kontra. Jiftaħru bis-siġar li jagħtu u l-metri kwadri ta’ spazji ħodor, iżda l-ħsara li qed issir lill-ambjent tagħna kull ġurnata hi ħafna ikbar mill-ftit tajjeb li qed isir.
Fost il-propaganda tal-Gvern insibu ritratti kkuluriti ta’ ġonna u proġetti ħodor, iżda wara dawk ir-ritratti hemm art ODZ meqruda, permessi bl-addoċċ, u policies li jkomplu jsaħħu l-iżvilupp bla rażan.
L-ambjent jibqa’ fl-aħħar post fuq l-aġenda ta’ dan il-Gvern – ħlief meta jkun utli għaċ-ċapċip. U fil-verità ma stennejna xejn differenti. Il-Baġit sar fid-dell ta’ riforma fl-ippjanar li l-effetti tagħha jekk tiġi implimentata kif pjanat kulħadd jafhom – qerda ambjentali bla preċedent.
L-effetti ta’ din is-suppost ‘riforma’ se jkunu ta’ piż ħafna ikbar minn kull benefiċċju li seta’ raxx il-Gvern matul id-diskors tal-Baġit. Qegħdin nitkellmu dwar distruzzjoni permanenti tal-ambjent li ngħixu fih kuljum u ta’ warajna.
Il-fatt li l-proġett ewlieni tal-Gvern għall-ambjent, Project Green, falla b’mod daqshekk ċar, juri kemm il-wegħdiet sbieħ huma biss propaganda, mhux pjan ta’ ħidma vera. Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali kienu mwegħda €700 miljun investiment f’dik li pinġewha bħala inizjattiva li kellha ssalva l-ambjent Malti.
Propaganda falza
Għall-bidu wrew ħafna entużjażmu. Poġġew CEO b’aspirazzjonijiet politiċi li kellu x-xewqa jimpressjona. Mill-ewwel ġurnata bdejna naraw aktar propaganda milli xogħol tanġibbli.
Ritratti, konferenzi stampa biex jaqtgħu ż-żigarella, reklami, plakek. Imma l-akbar diżappunt kien li l-ispazji ħodor ġodda ma kienu xejn għajr ‘pocket gardens’ fil-ftit irqajja’ li kien fadal fil-lokalitajiet.
Ma kenux qalulna li l-fokus kellu jkun il-ħolqien ta’ pulmuni ħodor f’zoni madwar pajjiżna fejn hemm l-iżjed bini u konġestjoni? X’inbidel? Iktar bini u konġestjoni.
Il-veru raġuni għal dan l-Aġenzija saret dejjem aktar ċara: għall-propaganda, biex taparsi jidhru li qegħdin jagħmlu xi ħaġa. Ir-riżultati jiġu sekondarji.
Fl-2024, il-Gvern wiegħed li se jonfoq €23.5 miljun fuq spazji ħodor f’zoni urbani. Imma ntefqu biss €1.7 miljun. Dak ifisser li 93% tal-flus baqgħu ma ntużawx.
Fi kliem ieħor, dak kollu li wegħdu – ma sarx. Lanqas bdew nofs il-proġetti li qalu li se jagġħmlu, u l-website ta’ Project Green saħansitra neħħiet il-lista tal-proġetti. Ma kellhomx pjan, ma kellhomx rieda, u ma għamlu kważi xejn minn dak li kienu qalulna li se jagħmlu.
U jekk inħarsu lejn 2023, naraw l-istess falliment. Suppost kellhom isiru 98 il-proġett fl-2023 imma sal-aħħar tas-sena tlestew biss dsatax. L-Aġenzija daħlet fis-sena preżenti b’somma enormi disponibbli. Imma fl-2025 l-Aġenzija bilkemm issemmiet. Il-proġetti inawgurati din is-sena tgħoddhom fuq subgħajk. Din hi xhieda ċara ta’ amministrazzjoni falluta u ineżistenti f’dan il-qasam.
Il-Gvern għadu jaħseb li l-ambjent tfisser biss parks u ftit siġar, meta fil-verità l-politika ambjentali trid tinħadem b’mod ħolistiku. Meta l-ekonomija tibqa’ mibnija fuq żvilupp sfrenat u trasport li jniġġes, ftit ġonna hawn u hemm ma jsolvux xejn.
L-ambjent għandu jkun fiċ-ċentru tal-mudell ekonomiku – kliem li qed jisħaq fuqu l-Partit Nazzjonalista – għax sakemm il-Gvern jibqa’ jpoġġi l-iżvilupp qabel kollox, l-ambjent tagħna jibqa’ jitmermer.
Mhux biżżejjed li tiftaħ ‘pocket garden’ u fl-istess ħin tħalli l-bqija tal-pajjiż għaddej b’aktar bini bla rażan, traffiku bla kontroll u tniġġis. Dan il-Baġit ftit li xejn jindirizza dawn il-pjagi; ma hemm ebda pjan serju għat-trasport sostenibbli jew għall-enerġija nadifa, u dan jgħid ħafna fuq il-prijoritajiet veri tal-Gvern.
Ma jimpurtahx mill-ambjent
Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-Baġit jurina Gvern li ma jimpurtahx tassew mill-ambjent. Wara dahar dan il-PR kollu, naraw li l-ambjent Malti għadu qed jiġi sagrifikat – kemm b’policies li jibżgħu jindirizzaw il-qerda tal-art u kemm b’manuvri sigrieti biex iduru mal-liġijiet.
Għal dawk fostna li l-ambjent jimpurtahom dan il-Baġit hu konferma oħra ta’ kemm il-Gvern Laburista tilef kull kredibbiltà f’dan il-qasam.
Il-PN, bil-proposti konkreti tiegħu bħad-dritt għal ambjent nadif fil-Kostituzzjoni, juri viżjoni tassew differenti. L-għażla issa hija ċara: jew inħallu lil dan il-“greenwashing” ikompli, jew nibdlu l-paġna għal ġejjieni fejn l-ambjent jingħata prijorità ġenwina u mhux slogan vojt.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

