Mons. Ġorġ Frendo
Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durres
L-ewwel jumejn ta’ Novembru fakkruna li aħna, il-Knisja f’mixja, aħna f’għaqda mal-Knisja f’tisfija u mal-Knisja fil-glorja. Is-Sibt li għadda ċċelebrajna l-festa tal-qaddisin kollha. L-iskop ta’ din il-festa mhuwiex, kif ġieli qalulna, biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin li ma nagħmlux it-tifkira tagħhom fil-kalendarju liturġiku matul is-sena. Imma din il-festa tfakkarna l-ewwel nett li l-qaddisin huma dawk li jipparteċipaw mill-qdusija ta’ Kristu u għalhekk huma mudell għalina; u t-tieni, tfakkarna wkoll li aħna msejħin għall-qdusija.
Min hu l-qaddis?
Fil-‘Glorja’ li ntennu fil-Quddiesa nindirizzaw lil Kristu bil-kliem: “Int waħdek qaddis”. Mela l-qdusija mhijiex għajr partiċipazzjoni mill-qdusija ta’ Kristu.
Skont Gilbert Keith Chesterton, il-qaddis hu “dak il-midneb li hu konvint li hu midneb”. Ma hemmx qdusija mingħajr umiltà. U l-ewwel pass għall-qdusija huwa sewwasew meta bl-umiltà tagħraf li inti midneb. Iżda int midneb maħfur, u dan jagħmlek aktar grat lejn il-Mulej li jaħfirlek, u aktar dispost biex tagħder lil min, bħalek, huwa midneb.
Hu qaddis, min jieħu bis-serjetà l-magħmudija tiegħu. Għax il-magħmudija ma tgħidlekx “Kun tajjeb”, iżda “Kun qaddis”. Għalhekk San Pawl, fl-Ittra tiegħu, juża espressjonijiet bħal dawn: “Pawlu … lill-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna” (1 Kor 1, 2); “Pawlu … lill-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu, flimkien mal-qaddisin kollha li qegħdin fl-Akaja” (2 Kor 1, 1); “Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù skont ir-rieda ta’ Alla, lill-qaddisin u lil dawk li jemmnu fi Kristu Ġesù” (Ef 1, 1); “Pawlu … lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesù, flimkien mal-isqfijiet tagħhom u d-djakni li jinsabu fil-belt ta’ Filippi” (Fil 1, 1); “Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù bir-rieda ta’ Alla, u Timotju, ħuna, lill-qaddisin u ħutna ta’ Kolossi” (Kol 1, 1-2).
Xi qaddisin li nafuhom
Huwa qaddis San Pawl, il-missjunarju kbir li tant bata għal Kristu, li bid-dritt kollu seta’ jgħid li xejn ma kien se jifirdu mill-imħabba ta’ Kristu. Hemm qaddisin bħal San Vinċenz Ferreri u Sant’Antnin ta’ Padova, magħrufin għall-ħafna mirakli li wettqu. Hija qaddisa Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li tgħallmet tagħmel ħwejjeġ żgħar iżda bi mħabba kbira. U qaddisa ta’ żminijietna hija Santa Madre Tereża, li kienet tara lil Ġesù fl-ifqar fost il-fqar.
Iżda qaddisin niltaqgħu magħhom illum ukoll. Personalment nirringrazzja ’l Alla li f’ħajti laqqagħni ma’ tant erwieħ tajba, u xi wħud minnhom kelli x-xorti ngħix magħhom. Nirringrazzjawh ukoll għall-ġenituri tagħna, li kienu l-ewwel edukaturi tagħna fil-fidi.
“Issiġillati” – “Ulied Alla … Id-dinja ma tagħrafniex”
Il-Ktieb tal-Apokalissi (7, 4) jitħaddet fuq l-“Issiġillati” li huma weqfin quddiem il-Ħaruf. Huma dawk li huma ta’ Kristu. Għax is-siġill kien jindika l-appartenenza: l-ilsiera u l-bhejjem kienu jiġu mmarkati b’siġill biex juru li jappartienu għat-tali sid. Fil-każ tagħna, is-siġill jirriferixxi għall-magħmudija. U dwar dawn l-“issiġillati” jingħad li “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm ta’ Kristu”. Id-demm ta’ Kristu huwa l-uniku demm li l-libsa tal-qaddisin maħsula fih ma toħroġx ħamra, iżda bajda, il-bjuda tas-safa u l-qdusija.
“Ulied Alla … Id-dinja ma tagħrafniex” (1 Ġw 3, 1). Il-kristjaniżmu hu kontro-kurrent. Ġesù nnifsu wissiena: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll” (Ġw 15, 20).
Is-sagramenti juruna bħala wlied Alla. Il-magħmudija hi mewt għad-dnub u ħajja ġdida ma’ Kristu. Id-Dilka tal-morda turi li nappartienu mhux għad-dinja, iżda għall-Knisja, li tissokta fis-sema. L-Ewkaristija hi l-aħħar sagrament li jirċievi n-nisrani, rahan tal-ħajja li ġejja.
Il-‘Henjin’
L-Evanġelju li jinqara f’din il-festa huwa dak tal-Beatitudnijiet, li juru l-kuntrast bejn il-ħajja ta’ issa u dik ġejjiena: l-imnikktin jitfarrġu, l-imġewħin jiġu mxebbgħin … U dawk ta’ qalbhom safja jaraw lil Alla. Osserva li l-verb huwa fil-preżent: diġà qed jarawh issa. Jarawh fil-ġmiel tan-natura, fil-ġmiel tal-baħar, tax-xemx, tal-ward. Jarawh fl-oħrajn, għax kull bniedem hu xbieha ta’ Alla u ħuna f’Ġesù Kristu.
Karl Gustav Jung darba qal: “Nammirakom lilkom insara, għax fil-fqar intom taraw lil Ġesù. Imma għaliex ma tarawx ukoll lil Ġesù fl-istess faqar tagħkom?” Fil-faqar spiritwali tagħna naraw ukoll lil Ġesù Kristu, li, minkejja ħżunitna, jibqa’ jersaq lejna.
Il-beatitudnijiet għal żminijietna
Henjin dawk li bl-umiltà huma kapaċi jħarsu lejhom infushom fil-mera biex jintebħu li mhumiex daqshekk ta’ qalb safja iżda huma wkoll midinbin.
Henjin dawk li jużaw ilsienhom biex ifaħħru lil Alla u l-qaddisin u qatt ma jkażbruhom.
Henjin dawk li kapaċi jaraw wiċċ Kristu fil-fqir, fil-batut u fil-barrani.
Henjin dawk li ma jipprofittawx ruħhom mill-pożizzjoni tagħhom biex jaraw lill-oħrajn dubbien.
Henjin dawk li jużaw il-pożizzjoni għolja tagħhom biex jaqdu lill-oħrajn bl-imħabba.
Henjin dawk li ma jinqdewx bil-facebook u podcasts biex jgħajru u jweġġgħu lil għajrhom.
Henjin dawk li jirrispettaw il-ġmiel tal-gżejjer tagħna bla ma jużaw flushom biex ikomplu jħaxxnu bwiethom waqt li jħallu lil uliedna werrieta ta’ blata ta’ konkrit.
U l-lista tista’ titwal kemm trid.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 4 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

