Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Ftit kienu, snin ilu, li kienu jimmaġinaw li konna se naslu fejn aħna llum. Kien hemm bnedmin li ħolmu li għandna nimxu f’dawn il-passi, imma ftit setgħu jipprevedu dak li mbagħad irriżulta.
Fir-realtà, l-Unjoni Ewropea timxi u għandha iktar timxi id f’id mad-demokrazija u l-kunċetti tal-Oċċident. Ma tistax tieqaf fil-passi tagħha. Tista’ tkun iktar attenta u tħares sew lejn l-effetti ta’ ħidmietha, imma trid timxi ’l quddiem. Dan għax għandha passat komuni, flimkien mal-fatt li hemm esperjenzi storiċi li ma rridux narawhom jirrepetu ruħhom. Kif ukoll għax rajna li valuri li huma għal qalbna qed jintilfu. Dawk li rridu li jiġu assigurati u msaħħa.
L-Ewropej għandhom għal qalbhom il-libertà, il-ġustizzja; dik il-kultura li tħares fit-tul u li hija universalistika, u dak il-patrijottiżmu li jħares lejn il-paċi u l-ġid komuni.
Għaliex
Inkomplu naħdmu biex ikun hemm dan il-proċess għax il-preżent, u anzi, kull preżent, iressqilna sfidi li jistgħu jiġu konfrontati aħjar bi probabbiltà aqwa ta’ suċċess jekk meħuda f’daqqa. Żvilupp, stabbilità ekonomika, koperazzjoni mal-bqija tad-dinja li jmexxuna ’l quddiem. Fejn, fil-fatt, il-passat u l-preżent huma mumenti storiċi u politiċi li fihom l-Unjoni Ewropea twieldet u ħadmet li ma jindikawx fejn sejrin verament.
Fi kliem passati imma wkoll preżenti, Altiero Spinelli (1907-1986), fil-ktieb L’Avventura Europea (1972) jiddikjara: “Quel che la Comunità sceglie dal passato e vuol coltivare nel presente tuttavia è determinato da quel che mediante la Comunità gli Europei vogliono raggiungere nel futuro.” (Dak li l-Komunità tagħżel mill-passat u li trid tikkultiva fil-preżent huwa fuq kollox determinat minn dak li l-Ewropej, permezz tal-Komunità, iridu jilħqu fil-futur.)
Ideat varji
F’dan sibtni biċċa oħra, anzi, f’biċċiet oħra, waqt li qrajt il-ktieb riċenti La Rivoluzione Del Buon Senso. Per un Paese Normale, maħruġ f’Lulju ta’ din is-sena, tal-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Mertu Giuseppe Valditara (1961). Persuna mill-iktar interessanti u intelliġenti li għandu karriera legali, akkademika u politika. Huwa Professur tad-Dritt Ruman u għamel żmien iservi ta’ senatur. Ġej minn ideat tal-lemin, ikkunsidrat moderat fl-Italja.
Oriġinarjament parti mill-proġett ta’ Gianfranco Fini (1952), illum viċin il-Lega per Salvini. Ma ġiex elett imma ġie magħżul biex iservi bħala Ministru. Għalhekk dan il-ktieb sibtu mimli bi ħsibijiet u kurrenti ta’ ideat li għalkemm ma nikkondividix, però xorta sibthom ta’ stimulu sabiex wieħed jgħarbel iktar il-preżent tagħna. Iktar u iktar fil-ħsieb li pajjiżna, bħall-Italja, huwa parti minn dan il-proġett politiku li hija l-Unjoni Ewropea.
Drittijiet u dmirijiet
L-awtur jispira ruħu ħafna minn dak li studja u għallem għal ċertu snin. Imiss ma’ dak li jħoss li hemm bżonn jinbidel f’pajjiżu. F’dan għandu d-diffikultà kulturali ta’ partiti tal-lemin lemin, li għal snin sħaħ kienu maqtugħa mill-poter u li issa għandhom b’xi mod. Tal-bnedmin li qed jaraw xenarju politiku iktar ostili milli fil-fatt huwa għalihom. Li jġorru, b’xi mod, l-għeruq passati ta’ dak kollu li kien u li evolva fih il-Faxxiżmu.
F’dan, il-ktieb jiddefendi ħafna u jattakka wkoll lix-xellug fil-pożizzjonijiet żbaljati li jinsab fihom illum, fl-esaġerazzjoni tiegħu fihom. F’dan kollu, proprju jitlaq mill-punt li hemm bżonn li s-soċjetà tifhem li aktar mid-drittijiet li qed tiġi bbumbardjata bihom, hemm doveri u dmirijiet. Interessanti f’dan hi l-parti li tibda mill-ħsieb: “La negazione della responsabilità individuale.” (Iċ-ċaħda tar-responsabbiltà individwali). Fil-ħsieb li fejn hemm ċaħdiet tad-drittijiet u responsabbiltajiet li jitwieldu mill-fatt li wieħed ikun ġej minn komunità partikolari hemm soċjetà inqas.
Il-passat
L-awtur jiddiskuti fil-fond ukoll l-Unjoni Ewropea li nittrattaw hawn. Iħares lejn il-valuri li d-Dritt Ruman ispira flimkiem ma’ dawk Insara. L-iktar meta jħares lejn l-identità Ewropea u Oċċidentali tagħna.
Huwa jfakkarna hekk: “Catone affermava che la grandezza della Repubblica romana era dovuta alla continuità con il suo passato; ricorda Cicerone (De re publica 2.2.) che Catone ‘soleva dire che la nostra Costituzione era superiore a quella degli altri Stati, perché le leggi e le istituzioni non erano state opera di singoli uomini … La nostra Costituzione non è sorta per opera di un solo legislatore o di una sola generazione, ma nel corso di diverse età e per virtù di molti uomini.” (Catone kien jiddikjara li l-kobor tar-Repubblika Rumana kien dovut għall-kontinwità tagħha mal-passat; ifakkar Ċiċerun (De re publica 2.2.) li Catone kien iħobb jgħid li l-Kostituzzjoni tagħna hija superjuri għal dik tal-oħrajn, għax il-liġijiet tagħna ma sarux mertu ta’ ftit bnedmin … il-Kostituzzjoni tagħna ma twelditx minħabba leġiżlatur wieħed jew ġenerazzjoni waħda imma mertu ta’ proċess ta’ żminijiet varji u ta’ ħafna bnedmin.)
Jifhem
Dan huwa dak li għandna lkoll illum fl-Unjoni Ewropea. Kontinwazzjoni varja li diversi, anki jekk jistgħu jitilqu minn pożizzjonijiet differenti, jifhmu f’daqqa l-vantaġġi tagħha.
F’dan, minkejja l-kurrenti li għaddejna minnhom wara l-Brexit fejn hemm idea b’saħħitha li l-futur jiġi mibni billi wieħed jitlaq mill-passat tiegħu. Fejn aħna parti minn dak li nagħrfu li hija memorja u ċiviltà kollettiva u komuni Ewropea. F’dak li qegħdin dejjem iktar nidentifikaw bħala l-Oċċident.
Valditara jiddikjara hekk: “È l’Occidente che ha forgiato grandi valori quali la democrazia, la libertà, l’equità, la buona fede, l’umanità, tutti incentrati sul particolare rilievo della persona e sulla centralità del cittadino.” (Huwa l-Oċċident li bena l-valuri l-kbar bħal ma huma d-demokrazija, il-libertà, l-ekwità, il-bona fede, l-umanità, li lkoll huma diretti fuq l-importanza tal-bniedem u fuq iċ-ċentralità taċ-ċittadin.)
Għalhekk ikompli jżid u jfakkarna li: “Occidente è un sistema di valori, una visione dell’uomo e della società che si sono formati nel corso di millenni.” (L-Oċċident għandu fih sistema ta’ valuri, viżjoni tal-bniedem u tas-soċjetà li ġew iffurmati fis-sekli.) Dak li aħna wkoll, b’kull dritt u dover għandna u li aħna parti minnu.
Il-futur
F’dan, fil-wirt li għandna għad-dispożizzjoni tagħha u li niffurmaw parti sħiħa minnu, irridu nistaqsu lilna nfusna kemm għandna nħarsu lejn iktar dożi ta’ Unjoni Ewropea.
F’soċjetà li tħares lejn proġett demokratiku matur, li tħares lejn li twassalna lejn politika bażata fuq dawn il-valuri fundamentali, oċċidentali, bażati fuq id-djalogu u r-rispett u mhux fuq il-konfront u d-dinamika kostanti ta’ ħbieb jew għedewwa, jew fuq il-bżonn li wieħed iċekken kontinwament fil-bżonn ta’ polemiċi li jsiru għan fihom infushom fejn l-interess superjuri tal-Istat ma jinkisibx.
F’dan però, għall-kuntrarju ta’ oħrajn, l-awtur jirrikonoxxi l-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea u l-valuri li ġiebet. F’kuntrast ma’ oħrajn huwa jikteb: “Ben diverso spessore e modernità culturale hanno certamente figure come De Gasperi, Schuman, Adenauer che a buon diritto possono essere prese a simbolo di un europeismo coerente con i grandi principi dell’Occidente democratico e liberali.” (Kompletament differenti fil-kontenut u l-modernità kulturali għandhom ċertament persuni bħal De Gasperi, Schuman, Adenauer li bi dritt għandhom jiġu meħuda bħala simboli ta’ Ewropeiżmu koerenti mal-prinċipji l-kbar tal-Oċċident demokratiku u liberali.)
L-għeruq komuni
Kif għidt, il-ktieb huwa mimli bi sfumaturi varji, għalkemm irid jingħad li komplessivament jonqsu, fl-opinjoni tiegħi, direzzjoni iktar ċara u dan abbażi ta’ ideat imbaskta. Dawk li jiġu wara li wieħed ikun serva bħala ministru. Imma almenu ma jiċħadx dak li sar tant tajjeb mid-Demokrazija Kristjana u wisq inqas ma jiċħad il-Proġett Ewropew.
Lejn l-aħħar huwa jikteb hekk: “C’è sopratutto bisogno di una riscoperta delle comuni radici europee, dei valori simbolo della nostra unità culturale.” (Hemm bżonn, fuq kollox, li niskopru mill-ġdid l-għeruq komuni Ewropej, tal-valuri li nidentifikaw ruħna fihom, li huma simbolu tal-unità kulturali tagħna.)
Proprju f’dan wieħed għandu jħares iktar. Ma’ bnedmin ta’ ideat differenti sabiex fid-dinja tal-lum ma nitilfux il-valuri Ewropej komuni tagħna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 4 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

