minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon 
u Il-Mument
Fil-11 ta’ Lulju ta’ kull sena – il-Jum Dinji tal-Popolazzjoni – l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ta’ Malta, bħal kull pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, jippubblika dettalji dwar il-popolazzjoni tal-pajjiż sal-aħħar tas-sena ta’ qabel. Minn din l-informazzjoni sirna nafu li l-popolazzjoni ta’ Malta sal-aħħar tal-2024 kienet ta’ 574,200… naturalment, żieda sostanzjali fuq is-sena ta’ qabel.
Għall-iskop ta’ din is-serje ta’ artikli m’iniex se nanalizza dan in-numru totali ta’ persuni f’pajjiżna. Jum qabel din it-tħabbira, l-istess NSO ippubblika, b’mod dettaljat, ċifri għal kull lokalità f’Malta u Għawdex – 54 f’Malta u 14 f’Għawdex. Dawn iċ-ċifri jispeċifikaw kemm hi l-popolazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-lokalitajiet u kemm minn dawk li jgħixu f’dawn l-ibliet u rħula huma Maltin, u kemm hemm residenti barranin.
Dan waħdu diġà hu biżżejjed biex, għal darba, wieħed iħares bis-serjetà lejn il-qagħda tal-lokalitajiet ta’ pajjiżna, waħda waħda… u hekk se tkun qed tagħmel din l-analiżi f’din il-gazzetta fuq ħamest ijiem.
Biex dan is-suġġett tabilħaqq isir wieħed attwali, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, fl-omelija tiegħu fin-Naxxar, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina qal, testwalment hekk:
“Qegħdin mexjin lejn l-estinzjoni tal-etniċità tagħna.” Jiġifieri li l-ġens Malti ftit ftit qed jitnaqqar bil-konsegwenzi kollha li sitwazzjoni bħal din iġġib magħha.
Forsi jkun hawn min jistaqsi jekk il-perjodu li hu kunsidrat f’din l-analiżi ntgħażilx fuq xi bażi politika billi l-2012 kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista f’pajjiżna. LE. L-għażla m’għamilthiex jien iżda hi l-punt tat-tluq tal-NSO li jagħti ċifri rilevanti għal kull sena mill-2012 ’il quddiem, sal-2024. Mela l-għażla, għalkemm mhix waħda politika, fil-verità tfisser ukoll kif kienu l-affariiet taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista, u kif inhuma prattikament illum wara 12-il sena ta’ Gvern Laburista. Madankollu f’dawn l-artikli se ssib biss fatti, la tbagħbis u lanqas esaġerazzjonijiet.
■ Jekk wieħed jieħu l-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex flimkien isib dawn iċ-ċifri:
2012: 421, 464
Barranin: 23,365 (5.5%)
2024: 574,250
Barranin: 168,938 (29%)
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ li l-popolazzjoni żdiedet b’medja ta’ 12,700 kulll sena tul dawn it-tnax-il sena u l-perċentwali ta’ barranin żdied b’24%.
Dawn diġà huma ċifri indikattivi ta’ kif il-popolazzjoni ta’ pajjiżna splodiet komplessivament.
Ma’ dan l-artiklu qed nippubblika lista ta’ kif il-lokalitajiet Maltin (dawk ta’ Għawdex f’artiklu separat) KOLLHA kellhom żidiet fin-numru ta’ residenti barranin li wħud minnhom jistgħu jissejħu enormi.
Dan wassal biex, kif jidher fil-lista ta’ hawnhekk, fl-ewwel sitta – L-Imsida; San Pawl il-Baħar; il-Gżira; San Ġiljan; Tal-Pietà; u Tas-Sliema – ir-residenti barranin jikkostitwixxu maġġoranza fil-lokalità.
B’din ir-rata, hemm lokalitajiet oħrajn li ma jdumux wisq biex jilħqu dan it-tragward xejn mixtieq u jkunu qed ikomplu jħaffu l-pass lejn dak li semma l-Arċisqof: l-estinzjoni tal-etniċità tagħna!
F’sitt lokalitajiet ir-residenti barranin huma diġà aktar mir-residenti Maltin

GĦADA: Kif f’dawn l-aħħar 12-il sena l-lokalitajiet Maltin ġew sfigurati.
NOTA: Iċ-ċifri kollha tal-lokalitajiet huma dawk provduti
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 4 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

