Lokali Qorti

Ordni ta’ probation fuq serq ta’ għodod u oġġetti minn vetturi

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, ikkundannat lil Francis Cuschieri ta’ 55 sena għal ordni ta’ probation ta’ sentejn wara li nstab ħati ta’ żewġ serqiet ta’ vetturi li seħħew fl-2006.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Elton Buckingham, akkużat lil Cuschieri li seraq għodod u oġġetti oħra minn vann tat-tip Ford Escort kif ukoll stereo CD minn karozza tat-tip Toyota. Huwa kien akkużat ukoll b’attentat ta’ serq minn Toyota oħra u li volontarjament ikkawża ħsara lill-vann u lill-karozzi msemmija. Barra minn hekk kien akkużat bħala reċediv.

Mill-provi fil-qorti rriżulta li fil-21 ta’ Ottubru 2006, l-Għassa tal-Pulizija tas-Sliema rċeviet telefonata anonima li kixfet li kienu nsterqu oġġetti minn vann ipparkjat f’Gżira u li dawn l-oġġetti kienu tpoġġew ġewwa karozza ħadra tat-tip Yugo. Il-pulizija marru immedjatament fuq il-post f’Triq Gżira fejn sabu l-vann, Ford Transit, miftuħ b’xi oġġetti li kienu baqgħu fih, iżda l-karozza Yugo ma kinitx tinsab fuq il-post.

Il-pulizija rnexxielhom isegwu l-karozza Yugo sa’ lokalità oħra, l-ewwel f’Belt Valletta u mbagħad f’Birkirkara. Meta marru fuq il-post f’Birkirkara sabu l-Yugo ipparkjata fi triq sekondarja u semgħu leħen ġewwa dar fil-qrib. Wara li identifikaw ruħhom bħala pulizija u ħadd ma fetaħ il-bieb, huma wissu li kienu se jiftħu bil-forza, u hekk għamlu. Meta daħlu ġewwa sabu lill-akkużat fil-bieb tal-entrata, fejn kien hemm ukoll l-oġġetti misruqa.

Waqt tfittxija fil-post instabu għodod tax-xogħol fosthom chaser u cross-cut ta’ marki differenti, remote control ta’ escalator, żewġ stereos, wajers, u diversi oġġetti oħra. Waqt tfittxija oħra instabu aktar għodod u mowbajl Nokia li aktar tard ġie identifikat bħala proprjetà ta’ wieħed mis-sidien tal-karozzi misruqa. Fil-karozza Yugo nfisha, taħt is-siġġu tal-passiġġier, instabu diversi tornaviti u, fid-dashboard, kienu wkoll instabu siringi u pakketti ta’ aċidu ċitriku, indikattivi ta’ użu ta’ droga.

Is-sid ta’ wieħed mill-vannijiet ikkonferma li l-għodod misjuba kienu tiegħu, għodod tax-xogħol li kien juża fil-professjoni tiegħu, inkluż stereo tat-tip Audiosonic. Fil-istess triq il-pulizija nnotaw ukoll żewġ karozzi oħra li kienu nfaqgħu bihom u waħda minnhom kienet nieqsa l-apparat stereo tagħha.

Fil-verżjoni tiegħu, l-akkużat Cuschieri ċaħad li seraq xi ħaġa u sostna li l-oġġetti kienu ta’ missieru. Huwa pprova jdawwar il-ħtija fuq raġel ieħor jismu Stephen u anki fuq missieru stess. Madankollu, il-qorti osservat li x-xhieda tiegħu kienet mimlija kontradizzjonijiet u għalhekk ma setgħetx titqies bħala kredibbli.

Il-qorti sabet li l-akkużat kien fil-pussess ta’ oġġetti misruqa mingħajr ma ta’ spjegazzjoni plawżibbli dwar l-oriġini tagħhom, u li l-karozza tiegħu kienet dehret qrib is-sit fejn seħħ is-serq. Barra minn hekk, l-akkużat innifsu ammetta li kien f’Gżira dak il-lejl. Għalhekk, il-qorti kkonkludiet li kien ħati tas-serq iżda mhux tal-akkużi kollha l-oħra.

Fil-konsiderazzjonijiet tagħha fuq is-sentenza, il-qorti osservat li diversi xhieda, fosthom il-uffiċjal tal-probation tal-akkużat, ikkonfermaw li l-imġiba kriminali tiegħu kienet prinċipalment marbuta mad-dipendenza fuq id-droga.

Minn dawn ix-xhieda rriżulta wkoll li Cuschieri kien wettaq sforzi sinifikanti biex jegħleb id-dipendenza tiegħu u biex jirriforma ħajtu, u li l-każ tiegħu quddiem il-Bord għar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni Miżmuma bid-Droga kien intemm b’suċċess.

Il-qorti qieset li sentenza ta’ priġunerija ma kinitx se tgħin fl-irkupru u fir-riabilitazzjoni tal-imputat, li kien qed jagħmel progress bil-għajnuna ta’ professjonisti. Għalhekk, sabet xieraq li timponi sentenza alternattiva u poġġiet lil Francis Cuschieri taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn.

Il-Maġistrat spjegat lill-imputat l-effetti legali ta’ din l-ordni u l-konsegwenzi jekk jonqos milli jikkonforma magħha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Buckingham, filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għall-akkużat.