Wara ħames snin ta’ azzjoni kkordinata madwar il-Mediterran, il-proġett LIFE PanPuffinus! qed jiċċelebra l-għeluq tiegħu f’Malta b’konferenza li għaliha attendew rapreżentanti tal-imsieħba fil-proġett, uffiċjali tal-Gvern u partijiet interessati.
Immexxi minn BirdLife Malta, dan kien l-akbar proġett LIFE li qatt għamlet l-organizazzjoni u li permezz tiegħu għaqdet żewġ entitajiet governattivi u ħames imsieħba ta’ BirdLife minn Malta, il-Portugall, Spanja, Franza u l-Greċja, biex iħarsu l-aktar żewġ speċi ta’ tajr tal-baħar mhedda: il-Garnija (Puffinus yelkouan) u l-Garnija Balearika (Puffinus mauretanicus).
Il-proġett li beda fl-2020 u li kien parzjalment iffinanzjat mill-proġett LIFE tal-UE, iffoka fuq żewġ theddidiet ewlenin għal dawn l-għasafar tal-baħar: il-qbid bi żball, meta l-għasafar tal-baħar jinqabdu b’mod mhux intenzjonat waqt is-sajd u predazzjoni minn speċi invażivi bħal firien li jheddu l-bejtiet. Il-proġett, li kopra 100% ta’ fejn timraħ il-Garnija Balearika u 40% ta’ fejn timraħ il-Garnija, għaqqad ir-riċerka, il-miżuri ta’ mitigazzjoni u żied l-għarfien fost diversi komunitajiet biex jassigura s-sovravivenza u l-futur ta’ dan it-tajr tal-baħar.
F’Malta, LIFE PanPUffinus! implimenta l-akbar sforz li qatt sar sal-lum fejn jidħol l-istudju dwar l-aġir ta’ dawn l-għasafar tal-baħar mas-sajjieda. Permezz ta’ ġbir ta’ tagħrif u provi ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, il-proġett identifika prattiċi li jnaqqsu l-qbid bi żball ta’ dan it-tajr waqt is-sajd. Dawn il-prattiċi ġew irreplikati fil-Portugall, fi Spanja, fi Franza u fil-Greċja.
Prijorità ewlenija fuq l-art, kienet il-kontroll ta’ predaturi invażivi bħal firien. F’Malta, il-kontroll tal-firien fil-kolonji għen biex ġew imħarsa l-bejtiet tal-Garni, filwaqt li fil-Greċja bit-tneħħija tal-firien minn numru ta’ kolonji, is-suċċess tal-Garni li jbejjet żdied b’79%.
It-taħriġ dwar il-biosigurtà u t-twaqqif ta’ ċentri ta’ reazzjoni immedjata f’Malta, fil-Greċja u fi Spanja, saħħew lill-awtoritajiet lokali u lill-maniġers tas-siti b’riżorsi u b’għarfien biex ikomplu jipproteġu l-kolonji fil-ġejjieni u jindirizzaw it-theddid tal-predazzjoni mill-firien f’siti ewlenin.
Il-proġett għamel emfasi fuq l-għarfien fost il-komunitajiet. Saru diversi attivitajiet biex iżidu l-għarfien fosthom b’kampanji fuq il-mezzi tal-midja, fi programmi fl-iskejjel, f’sessjonijiet ta’ taħriġ u f’workshops, f’esebizzjonijiet, f’avvenimenti pubbliċi u f’laqgħat dwar tfassil ta’ policies, biex jiżdied l-għarfien dwar il-konservazzjoni tat-tajr tal-baħar u l-ħarsien tal-ħajja selvaġġa lokali.
Meta indirizzat il-konferenza tal-għeluq, il-Project Manager Manya Russo qalet: “il-konservazzjoni tal-ispeċi tista’ tintlaħaq biss b’kollaborazzjoni bejn diversi pajjiżi u l-proġett LIFEPanPuffinus! għaqqad ħames pajjiżi propju biex jikkonserva l-għasafar tal-baħar. Il-ħidma fost il-komunitajiet, ġabet flimkien lis-sajjieda, lil min ifassal il-politika, entitajiet governattivi u NGOs, biex jilħqu għan komuni.”
Dwar il-kontribut ta’ Malta żiedet: “Dan il-proġett witta t-triq għal aktar kollaborazzjoni mas-sajjieda biex jitħarsu l-Garnija u l-Garnija Balearika għall-ġenerazzjonijiet futuri. It-tajr tal-baħar huwa l-għassies tal-baħar u t-theddid li jiffaċċja jfakkarna fil-ħtieġa urġenti biex nikkommettu ruħna aktar favur il-konservazzjoni tal-ambjent marittimu u dak kostali.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said ukoll indirizzat il-konferenza fejn tkellmet fost oħrajn dwar ir-rwol ta’ Malta li tmexxi sforzi reġjonali biex jitħarsu dawn l-ispeċi mhedda.
Il-proġett li kien jismu “Improving the conservation status of endemic Balearic and Yelkouan shearwaters by ensuring safe land and sea” (LIFE19 NAT/MT/000982), huwa kofinanzjat mill-Programm LIFE tal-Unjoni Ewropea, b’baġit totali ta’ €3.5 milljun u kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea ta’ €2.12 miljun (60%). F’Malta, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għamel kofinanzjament tal-azzjonijiet ibbażati f’Malta flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-Aquatic Resources Malta bħala imsieħba fil-proġett.

