Lokali

Robert Abela jaħrab mid-domandi kollha

Il-Prim Ministru Robert Abela ma wieġeb assolutament xejn dwar is-sentenza tal-arbitraġġ internazzjonali li minnu mhux talli l-familji Maltin u Għawdxin mhux se jieħdu mank ċenteżmu mill-frodi tal-isptarijiet, talli dan l-arbitraġġ iddikjara li apparti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li diġà ta l-Gvern… għad irid jagħti aktar miljuni.

Fiha innifisha…din id-deċiżjoni tgiddeb għal kollox il-fatt li l-Gvern kien jgħid li fetaħ l-arbitraġġ hu. U mhux talli ma marx iġib flus il-poplu lura, talli saħansitra qal li qabel ma’ ta’ Steward – li skont hu ma sarx frodi. Dan minkejja ż-żewġ sentenzi tal-Qorti li jiddikkjaraw li Vitals u Steward ma laħqux mal-obbligi kuntrattwali tagħhom f’kollużjoni mal-Gvern.

Net News staqsa lill-Prim Ministru biex jurina fhiex nefqu dawn il-miljuni ta’ ewro ta’ Vitals u Steward, u x’ħallew lill-poplu Malti u Għawdxi. Madanakollu, il-Prim Ministru ħarab id-domandi kollha u ma weġibx.

Filwaqt li l-Gvern qed jisħaq li Malta rebħet, fil-verità m’hemm ebda indikazzjoni eżattament xi gwadanjat Malta minn dan kollu – ebda Sptar Ġenerali ta’ Għawdex imwiegħed, ebda żviluppi fi Sptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech – miljuni ta’ ewro li l-Gvern ma kienx kapaċi jġib lura.