Minkejja żewġ sentenzi tal-qorti li sabu frodi u kollużjoni fil-korruzzjoni tal-isptarijiet, tliet rapporti tal-Awditur Ġenerali u inkjesta maġisterjali, il-Prim Ministru Robert Abela iddefenda bis-saħħa lill-kumpaniji Vitals u Stewards.
Din il-pożizzjoni l-Prim Ministru espremiha fid-diskors tiegħu fil-parlament. Minkejja l-appelli tal-PN biex il-Prim Ministru jispeċifika kif intefqu d-€900 miljun li l-gvern issa ammetta lil ta lil Steward, il-Prim Ministru lanqas għamel riferenza għalihom.
Il-Prim Ministru Robert Abela ma semma’ l-ebda proġett ġdid li se jkun qed iwettaq il-Gvern Laburista f’setturi li huma ta’ preokupazzjoni għall-poplu Malti fosthom it-tkabbir straordinarju fil-popolazzjoni, il-ħaddiema barranin, it-trasport tal-massa, l-ambjent, iż-żgħażagħ u l-kwalità tal-ħajja.
Il-Prim Ministru tkellem dwar it-tnaqqis fit-taxxi fil-budget u kkritika ċ-Child Trust Fund li ppropona l-Kap tal-PN Alex Borg. Fl-istess waqt li pprova jikkriitka din il-proposta, il-Mexxej Laburista Robert Abela ammetta li din il-proposta hi impilmentata fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Robert Abela qal li l-Gvern Laburista żied il-pensjonijiet u sostna li hu jrid li t-tfal maltin jgħixu f’Malta isbaħ. Skont il-Prim Ministru, l-Gvern Laburista pproteġa Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex u se jiżviluppa Manoel Island f’park għall-familja. Il-Prim Ministru sostna li ż-żona tal-White Rocks mhux se tkun żviluppata u se ssir park nazzjonali b’garanzija li ma jsir qatt żvilupp.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru tkellem dwar id-djar soċjali u qal li llum hawn 82% tan-nies li huma sidien ta’ djarhom.
Dwar l-iskandlu tal-isptarijiet, il-Prim Ministru qal li s-serqa ta’ mill-inqas €400 miljun kienet “ħrafa” u sostna li meta l-avukati japprovaw il-gvern jippubblika s-sentenza. Il-Prim Ministru ddefenda lil Steward u qal li mhux veru li Steward ħarbu b’€400 miljun. Hu sostna li Steward mhuma se jieħdu xejn lanqas il-€100 miljun li kienu fil-ftehim li sar mill-Gvern Laburista. Il-Prim Ministru qal li kull deċiżjoni li l-Gvern Laburista kienu korretti li l-poplu malti irċieva valur ġdid għal flusu.
Il-Kpa tal-Oppożizzjoni Alex Borg u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia insistew li l-Prim Ministru għandu jpoġġu id-dokumenti li qed jikkwota minnho fuq il-mejda tal-Kamra u nsistew li għandu jingħata ruling.
Il-Prim Ministru Robert Abela ma riedx ipoġġi d-dokument fuq il-mejda tal-Kamra u qal li kien qed jikkwota mill-istqarrija li ħareġ il-gvern. Robert Abela qal li dak kollu li ntqal kien “gidba” u sostna li l-PN għandu jbaxxi rasu għas-saltna tad-dritt. Hu akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni b’arroganza mal-ex Deputat Prim Ministru Chris Fearne u sostna li ċ-ċertifikat tal-arbitraġġ hu ċertifikat tal-ħidma ta’ Chris Fearne.
Il-Prim Ministru qal li se jinbena sptar ġid għall-anzjani f’San Vinċenz u sostna li l-isptar tas-saħħa mentali ħdejn Mater Dei issa se jsir. Għal dan l-isptar il-gvern se jivvota €100 miljun. Din il-pożizzjoni tal-Prim Ministru tikkontradixxi dikjarazzjonijiet riċenti tal-Ministru tas-Saħħa li sa ftit ilu qal li minflok l-isptar tas-saħħa mentali se jsiru biss units fl-Isptar Mater Dei. Il-Ministru tas-Saħħa kien qal li l-esperti kienu qalulu li sptar ġdid tas-saħħa mentali ma kinx l-aħajr deċiżjoni għal dan is-settur.
Dwar it-trasport tal-massa, Robert Abela qal li dan mhuwiex każ ta’ MOU u ftaħar li l-Ministru Chris Bonnett irnexxielu jkkonvinċi lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana biex itih il-fondi biex jagħmel l-istudju dwar il-metro.
//= $special ?>

