Ewropa

Roberta Metsola tinawgura is-summit tas-Sigma f’Ruma

Waqt li indirizzat aktar minn 30,000 delegat u 1,000 esebitur, il-President Roberta Metsola enfasizzat li tinsab kburija li s-summit Sigma oriġina minn Malta. Dan hekk kif dan l-avveniment kien organizzat fil-kapitali Taljana.

Il-President Metsola ffukat id-diskors tagħha fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tħaddan futur li jkun “dinamiku, kreattiv, innovattiv, li qed jikber u jissaħħaħ.”

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-bilanċ bejn it-tkabbir u r-responsabbiltà huwa dak li jagħmel l-Ewropa unika. Hija kompliet tgħid li r-regolamentazzjoni fl-Ewropa għadha frammentata wisq, b’sistemi ta’ liċenzjar, metodi operattivi u regoli ta’ reklamar differenti, li jagħmluha aktar diffiċli għall-kumpaniji biex jippjanaw, jespandu, u joperaw fl-Ewropa. “Dan irid jinbidel,” enfasizzat Roberta Metsola.

Il-President u MEP Maltija qalet li “rridu nagħtu lin-negozji Ewropej il-libertà u l-għodod biex jikkompetu globalment.”

Il-President Metsola affermat l-impenn tal-Parlament li jappoġġja lill-intraprendituri fl-ekonomija diġitali u ddikjarat is-Summit tas-SiGMA uffiċjalment miftuħ.

Matul iż-żjara tagħha fis-Summit, il-President Metsola ltaqgħet ma’ Maltin li qed jipparteċipaw u ma’ oħrajn li ħadmu fuq it-tħejjija loġistika tal-post, u żiedet li dan hu eżempju ta’ kif Malta tista’ tesporta ħiliet u talent tal-ogħla livell.