Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal sewwieq ta’ 19-il sena li saq b’veloċità f’Pembroke fost it-tfal meta ma kellux liċenzja

Żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie kundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nhar is-Sibt li għadda saq b’mod perikoluż f’Pembroke b’karozza BMW – f’żzoni residenzjali fejn kienu qed jiġu organizzati ċ-ċelebrazzjonijiet tat-Trick or Treat tal-Halloween fejn kien hemm diversi tfal.

Iverson Bartolo, li joqgħod il-Mellieħa, ammetta wkoll li saq mingħajr liċenzja u mingħajr polza tal- assigurazzjoni. Huwa ngħata s-sentenza mill-Maġistrat Charmaine Galea li qaltlu biex jobdi lill-Pulizija meta dawn iwaqqfuh u li kienet qed taħsibha jekk tagħtihx sentenza effettiva ta’ ħabs. Hija qaltlu wkoll li minbarra sentenza sospiża ma jistax jikseb liċenzja tas-sewqan għall-perjodu ta’ sena mill-għoti tas-sentenza.

Il-prosekuzzjoni spjegat li għall-ħabta tat-10:30 ta’ billejl, patrol tal-Pulizija f’Pembroke nnotat karozza BMW tinsaq b’mod perikoluż fi Triq Tobruk, fejn kien hemm tfal u żgħażagħ jaqsmu t-triq. Meta l-Pulizija ordnaw lis-sewwieq biex jieqaf, il-BMW beda jsuq b’aktar veloċità lejn zona residenzjali, saħansitra daħlet fi triq ‘one way’ fejn kien hemm preżenza ta’ tfal.

Il-karozza nstabet aktar tard ħdejn il-bajja ta’ San Ġorġ, fejn is-sewwieq ipprova jaħrab minn fuq il-post iżda ġie arrestat ftit wara. Il-prosekuzzjoni qalet li s-sid il-karozza kien huwa sieħbu u kien riekeb maġenbu bħala passiġġier.

Id-difiża mmexxija mill-Avukati Noel Bianco u Jean Paul Sammut qalet lill-Qorti li din kienet l-ewwel darba li Bartolo kien qiegħed isuq u li kien għadu qed jitgħallem. Il-Maġistrat Charmaine Galea staqsiet ukoll lil Bartolo jekk ma jridx li jqatta’ aktar żmien il-ħabs wara l-esperjenza tiegħu għal dawn l-aħħar tlett ijiem, biż-żagħżugħ jgħid – ‘żgur li le.’

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Nathan Bugeja u Clive Agius.