Raġel u mara ġew ingħataw sentenza sospiża wara li ammettew li qarrqu b’mara anzjana. Marquita Farrugia u Kurt Muscat tressqu l-qorti fl-2020 akkużati li bejn l-2017 u l-2020 kisbu flus bi qerq u profitt frawdolenti. Il-Qorti fis-sentenza tagħha ordnat lill-akkużati jħallsu lill-vittma €42,200, is-somma ffrodata.
Fil-kors tas-smigħ tagħhom, ħareġ li l-akkużati kienu qarrqu b’mara ta’ 85 sena billi biegħulha investiment li qatt ma seħħ, u wara ppruvaw jassigurawha li kienu qed jistennew risposta mingħand il-Ministru ta’ dak iż-żmien, José Herrera.
Il-pulizija akkużat lill-koppja wkoll li kellhom armi mingħajr liċenzja, filwaqt li Farrugia ġiet akkużata li għajret u heddet lill-avukat Herrera. It-tnejn ġew akkużati wkoll li heddew, insulentaw, fastidjaw u kkaġunaw biża’ ta’ vjolenza lill-vittmi tagħhom, fosthom lill-istess ministru.
It-tnejn ammettew l-akkużi fil-28 ta’ Lulju 2025. Fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti osservat li l-akkużi kienu konfużi u ma kinux jiddistingwu b’mod ċar min kien akkużat b’liema reat. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat li filwaqt li Muscat kien akkużat li hedded u insulta lil Herrera, l-evidenza kollha kienet tindika li dan kien att ibbażat fuq il-koakkuzata tiegħu.
Bl-istess mod, il-Qorti nnotat li t-tnejn ġew akkużati b’li kellhom armi bla liċenzja, meta l-provi kollha kienu jindikaw li kienu f’pussess ta’ Muscat biss. Il-Qorti kkritikat ukoll lill-Avukat Ġenerali talli ma ddistingwix bejn l-offiżi, minkejja li l-evidenza kienet ċara dwar min kienet tirreferi. Żewġ akkużi wkoll irriżultaw identiċi, u l-Qorti qalet li se tkun kawta ħafna qabel tagħmel aktar osservazzjonijiet.
“Għalkemm l-akkużati ammettew bla kundizzjoni, il-Qorti ma tistax taċċetta din l-ammissione għal kull akkuża li tressqet kontrihom,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech, u żiedet li jkun żball serju jekk xi ħadd jinstab ħati ta’ fatti li ma jirriżultawx mill-provi.
Fil-kunsiderazzjonijiet dwar il-piena, il-Qorti nnotat li kien hemm dejn kontrattwali bejn l-akkużati u l-anzjana li qarqu biha, u li dawn ma kinux reati għall-ewwel darba u lanqas ammettew fi stadju bikri tal-proċeduri. Rapport psikjatriku tal-Qorti kkonferma li Farrugia għandha disturb fl-iżvilupp intellettwali u hi vulnerabbli għall-manipulazzjoni.
Il-Qorti sabet lil Muscat ħati li kiseb flus bi qerq u li kiser l-Att dwar l-Armi. Huwa ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €1,200. Farrugia nstabet ħatja li kisbet flus bi qerq, li ppruvat tuża forza biex toffendi jew tweġġa’ lil ħaddieħor, li heddet jew għajret, kif ukoll li abbużat minn tagħmir elettroniku. Hi wkoll ġiet ikkundannata għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
It-tnejn ġew ordnati jħallsu €781.55 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Qorti ordnat ukoll li l-armi jiġu kkonfiskati u li l-liċenzja ta’ Muscat tiġi revokata, filwaqt li ma jistax jerġa’ jikseb waħda għal ħames snin. Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur Josè Herrera u l-vittmi l-oħra.
Il-każ ġie presedut mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li ilha inkarigata mill-proċess sa minn Frar tal-2024. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri.
//= $special ?>

