Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara ammissjoni fuq theddid

Żagħżugħ ta’ 26 sena nħata sentenza sospiża wara li ammetta li wettaq theddid fil-konfront ta’ persuna oħra. Dan hekk kif il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, ikkonkludiet il-kawża kriminali kontra John Anthony Borg, li kien akkużat b’tliet kapi ta’ akkuża relatati ma’ theddid, użu ħażin ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, u inġurji kontra persuna.

L-akkużi kienu jikkonsistu f’theddid sabiex jikseb flus jew vantaġġ ieħor, kif ukoll li permezz ta’ netwerk jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika hedded jew uża dan il-mezz b’mod mhux xieraq, u li għamel inġurji jew theddid mhux imsemmija band’oħra fil-Kodiċi Kriminali.

Matul is-seduta, l-imputat ammetta l-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontrih. Il-Qorti, wara li wissietu dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni u tatu żmien biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu, rat li l-ammissjoni kienet waħda volontarja u mingħajr kundizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti ma kellhiex triq oħra ħlief li ssibu ħati tal-akkużi kif ammessi minnu.

Fil-kunsiderazzjoni tal-piena, il-Qorti qieset in-natura tar-reat, il-fatt li l-imputat għandu fedina penali nadifa, il-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija, l-ammissjoni bikrija, kif ukoll li l-parti ċivili ma xtaqitx li jingħata piena karċerarja effettiva. Ġie wkoll osservat li ż-żewġ akkużi sekondarji kienu marbuta direttament mal-ewwel waħda.

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti, wara li rat l-artikoli relevanti tal-Kodiċi Kriminali u tal-Att dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, ikkundannat lil John Anthony Borg għal 14-il xahar ħabs, iżda sospendiet is-sentenza għal tliet snin skont. Barra minn hekk, huwa ġie mmultat €500, li għandu jħallashom fi żmien sitt xhur.

Il-Qorti spjegat lill-imputat ir-responsabbiltà tiegħu, jiġifieri li jekk jikkommetti reat ieħor matul il-perjodu tas-sospensjoni, is-sospensjoni tista’ titħassar u l-piena tiġi eżegwita. Fuq talba tal-prosekuzzjoni, ġiet ukoll maħruġa ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma, u ġie ordnat li ismu ma jixxandarx fuq il-midja, inkluż dik soċjali, sabiex tiġi evitata secondary victimization. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Frankie Sammut u l-Ispettur Francesca Calleja.