It-Tnejn waranofsinhar id-Deputat Mexxej u MEP Laburista Alex Agius Saliba flimkien mal-Eks Ministru u backbencher attwali Edward Zammit Lewis ħadu l-briga li jsejħu konferenza tal-aħbarijiet mimlija negattività u attakki partiġjani.
Fost litanija twila ta’ negattivita – il-Labour attakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wara li wieġeb għal domanda waqt il-programm fuq Net Television Crux, fejn kien mistoqsi dwar l-opinjoni tiegħu fuq il-4 Day Week.
Il-Labour saħaq li l-fatt li Alex Borg qiegħed jikkunsidra tali proposta hija turija ta’ immaturità – iżda l-ironija hi li mhux biss il-GWU qed jipproponu xi ħaġa simili, imma anke l-MEP Laburista u sieħeb Alex Agius Saliba, Thomas Bajada tkellem bl-istess mod.
Madanakollu skont Agius Saliba dan tal-aħħar jista’ jitkellem hekk, għax m’għandux pożizzjoni Kostituzzjonali.
Intant, filwaqt li nfexxew f’attakki partiġjani għall-aħħar fuq il-Partit Nazzjonalista, konvenjentament id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit injora għal kollox il-fatt li s-Segretarju Eżekuttiv tan-Nisa Laburista Jennifer Tabone rriżenjat – fost l-oħrajn – minħabba l-kuxjenza tagħha, għaliex il-Partit Laburista qed iħalli ċerti individwi jmexxu l-aġenda tiegħu.
Filwaqt li ma qalx min huma dawn l-individwi, Alex Agius Saliba ma weġibx għalfejn Tabone rringrazjat biss lill-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u lid-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg… meta huwa proprju Agius Saliba li suppost huwa responsabbli mill-Affarijiet tal-Partit.
Għaldaqstant minflok jara kif jagħmel u jżomm l-għaqda fi ħdan il-membri tiegħu, u ma jkomplix jiffumenta mibegħda fil-pajjiż – il-Labour għażel li jsejjaħ il-ġurnalisti sempliċiment biex jattakka lill-Partit Nazzjonalista u xejn iżjed. Dan meta, ironikament, fost il-kelliema kien hemm Edward Zammit Lewis – li issa nqabad li għandu problemi ma’ tat-taxxa.
//= $special ?>
