Lokali

Abela jerġa’ jaħrab jiġri – jibqa’ ma jweġibx fuq l-isptarijiet wara li sejħilhom “fair value”

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jaħrab id-domandi tal-ġurnalisti u mhux iwieġeb dwar id-deal frawdolenti tal-isptarijiet. Deal deskritt minn żewġ sentenzi tal-Qorti bħala wieħed magħmul f’kollużjoni, deal li minnu l-poplu Malti u Għawdxi tilef mijiet ta’ miljuni ta’ ewro mingħajr ma ħa ebda proġetti tanġibbli lura.

Dan hekk kif ma ntlaħqet ebda milestone minn naħa kemm ta’ Vitals kif ukoll ta’ Steward ebda sptarijiet ġodda kif kienu proprju mħallsa biex jagħmlu – bl-obbligi kuntrattwali ma jintlaħqu qatt tant li l-kuntratt kien annullat.

Ħaġa tal-għeġubijiet il-Prim Ministru, l-għada li qal li Malta rebħet u ma wieġeb assolutament xejn, it-Tlieta filgħaxija qal li pajjiżna ħa fair value for money ta’ dak li ħallas lil Vitals u Steward…u mhux talli ma weġibx lill-ġurnalisti … talli ħalla lill-ħaddiem tas-segretarjat tiegħu jitkellem għalih…billi essenzjalment ma qal xejn.

S’issa ħadd ma ra is-sentenza ta’ dan l-arbitraġġ, ħadd ma ra l-proċess kollu – għaliex il-Prim Ministru ma jridx jippubblikah.

Kull ma ra l-poplu huwa dak li ħallew warajhom Vitals u Steward wara li ħallasnihom il-mijiet ta’ miljuni….barumbara ħamiem u abbandun totali – għad-detriment tas-saħħa tal-familji Maltin u Għawdxin.

Id-domandi jibqgħu ċari – lil min verament iddefenda Robert Abela u kif qed jgħid li Steward u Vitals għamlu xogħlhom meta dak li rajna quddiemna tul l-aħħar snin … sal-lum, huwa ċar li minn dak imwiegħed u li kienu mħallsa għalih m’għamlu xejn – skont kif iddikjarat minn żewġ sentenzi tal-Qorti.