Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, wieġeb b’mod qawwi lill-MEP Laburista Alex Agius Saliba wara li dan ipprova juri r-ruling tal-International Chamber of Commerce (ICC) dwar il-każ tal-konċessjoni tal-isptarijiet bħala rebħa għall-Gvern Malti.
F’ittra mibgħuta lill-Membri tal-Parlament Ewropew, Casa qal li r-riżultat tal-ICC mhuwiex prova ta’ integrità, iżda prova ta’ falliment. Huwa fakkar li l-qrati Maltin diġà kkonkludew li l-konċessjoni kienet frodulenti, u għalhekk kien dmir ċar tal-Gvern li jirkupra l-fondi. “Minflok, jew minħabba inkompetenza jew disinn intenzjonat, il-Gvern falla,” kiteb Casa.
Il-MEP Nazzjonalista saħaq li kien proprju l-Gvern Malti li, fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-qrati, kellu jiddewwem biex jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti quddiem l-ICC. “Falla daqshekk li issa t-taxpayer Malti qed jintalab iħallas aktar,” kompla jikteb Casa.
Huwa żied jgħid li l-aħħar riżultat “jibbenefika lil dawk qrib il-Gvern li bħalissa qed jiffaċċjaw akkużi kriminali dwar din il-frodi,” u li dan kollu hu ta’ ħsara ċara għall-poplu Malti.
“Dan mhux mument ta’ ċelebrazzjoni, iżda prova oħra tal-falliment tal-Gvern Malti fir-rispett lejn is-saltna tad-dritt,” temm jgħid David Casa.
//= $special ?>

