L-eks Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Anders Fogh Rasmussen, ħeġġeġ biex il-Ġermanja tipprovdi lill-Ukrajna bil-missili Taurus għal fuq id-distanzi kbar u li għandhom jgħinu lill-Ukreni biex jolqtu l-ibliet fiċ-ċentru tar-Russja….Hu sejjaħ ukoll biex l-Alleati kollha tal-Ukrajna jibgħatulha aktar armamenti biex isaħħulha d-difiżi għal kontra l-aggressjoni ta’ Vladimir Putin.
Dan meta r-Russja, kuljum, qed tispara l-missili u d-drones lejn iz-zoni residenzjali fl-ibliet ċentrali tal-Ukrajna – inkluża l-kapitali Kiev.
Rasmussen, li mexxa lin-NATO mill-2010 sal-2014 wara li serva bħala Prim Ministru tad-Danimarka, issuġġerixxa li l-pajjiżi tal-Alleanza jeħtieġu jżidu l-pressjoni fuq Putin biex jipperswaduh jidħol għan-negozjati għat-tmiem tal-gwerra….Il-Mexxej Russu, għalissa, ma għandu l-ebda ħsieb li jwaqqaf il-konflitt mal-Ukrajna li ilu għaddej minn Frar tal-2022.
L-eks-Segretarju-Ġenerali tan-NATO saħaq ukoll li Putin ma għandu l-ebda inċentiv biex jissieħeb b’mod kostruttiv fi ftehim għall-paċi dment li hu jibqa’jaħseb li kapaċi jirbaħ dan il-konflitt. Għaldaqstant, skont Rasmussen, l-Ewropa u l-Punent għandhom iżidu sew l-appoġġ lill-Ukrajna biex, almenu, jinżamm il-bilanċ militari fuq il-fronti tal-gwerra mar-Russja.
//= $special ?>

