Lokali

Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-Malta Federation of Professional Associations

Il-konsultazzjoni mal-professjonisti hija kruċjali biex titfassal politika li tkun effettiva u relevanti.

Waqt laqgħa mal-Malta Federation of Professional Associations, l-MFPA, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li wieħed ma jistax jagħmel politika li tagħmel differenza jekk ma jikkonsultax mal-professjonisti.

Hu u jindirizza lir-rappreżentanti tas-17-il organizzazzjoni ta’ professjonisti, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għaddej b’konsultazzjoni kontinwa biex jiżgura li l-politika li qed ifassal tkun ibbażata fuq ir-realtajiet li jgħixu n-nies, inkluż il-professjonisti.

Alex Borg saħaq ukoll fuq l-importanza ta’ trasparenza u kontabbiltà li għandhom iwasslu għal inqas indħil mill-politiċi u għal level playing field għal kulħadd.

Il-professjonisti preżenti ddiskutew it-tħassib tagħhom, fosthom dwar in-nuqqas ta’ etika professjonali fil-korsijiet tal-edukazzjoni terzjarja u l-proċeduri burokratiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-organizzazzjonijiet volontarji.

Dwar il-volontarjat huma qalu li l-fatt li ż-żgħażagħ qed ikollhom jaħdmu biex ilaħħqu mal-ħajja qed inaqqsilhom mill-ħin għal xogħol volontarju. Dan qed inaqqar ukoll mill-kultura tagħna li ngħinu.

L-MFPA tiġbor fi ħdanha 17-il organizzazzjoni ta’ professjonisti u b’kollox tirrappreżenta 10,000 profesjonist: accountants, konservaturi u restawraturi, dentisti, inġiniera, tobba, periti, occupational therapists, spiżjara, fiżjoterapisti, podjatri, psikologi, radjografi, social workers, speech-language pathologists, veterinarji, youth workers u professjonisti fil-counselling.

Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat David Agius.

Fost dawk li laqgħu lid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kien hemm il-President tal-Federazzjoni James Licari u l-Kap Eżekuttiv Norma Camilleri.