Li kieku l-Gvern sema’ mill-PN, dawk li saru ġenituri fl-aħħar tliet snin kien ikollhom aktar parental leave ma’ wliedhom
Wara li vvota kontra l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għaż-żieda fil-leave tal-paternità għall-missirijiet u l-parental leave, il-Gvern issa se jibda jaħdem biex jimplimentahom.
Sostnew dan ix-Shadow Ministers Ryan Callus, Ivan Castillo, Albert Buttigieg u Graziella Attard Previ hekk kif saħqu li meta l-Partit Nazzjonalista kien ressaq Mozzjoni fil-Parlament biex jipprova jikkonvinċi lill-Gvern iżid il-benefiċċju tal-paternal leave għall-missirijiet u l-parental leave, wara l-ħidma li saret bid-Direttiva tal-Work-Life Balance mill-MEP tal-PN David Casa, il-Gvern kien għażel li jivvota kontra.
Huma saħqu li kien iss illum li l-Gvern stenbaħ u rrealizza li dan kien żball u ħabbar li se jibda jaħdem biex iżid l-Paternity Leave. Din hija għal darba oħra turija ta’ kemm il-Gvern jimxi b’mod partiġjan u biex jinki lill-Oppożizzjoni, jinsa lin-nies.
“Għas-suppervja u l-inkejja tal-Gvern, ibatu l-familji Maltin. Il-missirijiet ġodda setgħu gawdew minn aktar ħin ma’ wliedhom matul dawn l-aħħar tliet snin, li kieku l-Gvern mexa b’maturità politika.”
Huma spjegaw li aktar minn hekk, il-PN ressaq diversi proposti oħra biex jiġi estiż il-leave tal-maternità, il-parental leave li jista’ jintuża’ miż-żewġ ġenituri, il-proposta tal-proġett pilota, studju u konsultazzjoni dwar il-four-day-week u tant proposti oħrajn.
“Filwaqt li hu importanti li wieħed jissalvagwardja l-finanzi pubbliċi, il-PN ifakkar li dawn il-proposti saru anke minnu, fid-dawl tal-fatt li jagħraf li l-ħin mal-familja hu daqstant ieħor essenzjali. U dan hu dak li se jkun qed iwettaq Gvern ġdid Nazzjonalista.”
//= $special ?>

