Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza tal-qorti tal-Maġistrati li sabet lil Christopher Mercieca ħati ta’ diversi reati relatati ma’ kaċċa llegali u ksur tal-liċenzji fuq l-armi. Mercieca, li kien ġie kkundannat is-sena li għaddiet, instab ħati li ġie li kkaċċa waqt l-istaġun magħluq, li uża apparat elettroniku mhux permess biex jattira t-tajr, u li kiser kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-armi.
Il-qorti inferjuri kienet imponiet multa ta’ €2,000 u sospenzjoni ta’ tliet snin għall-liċenzja tal-kaċċa u sentejn għall-liċenzja tal-armi. Ir-reati ġew irrappurtati fit-13 ta’ Awwissu 2024, meta BirdLife Malta sejħet lill-pulizija dwar attività illegali ta’ kaċċa f’Qalet Marku, limiti tan-Naxxar.
L-Uffiċjali sabu lil Mercieca “moħbi taħt il-blat,” u fil-pusses ta’ senter ikkargat,, fil-pussess ta’ apparat elettroniku biex jattira l-għasafar u 27 skartoċċ. Skont id-dokumenti tal-qorti, Mercieca qal immedjatament lill-pulizija, “Ħalluni mmur bil-mod.”
Mercieca appella kontra s-sentenza, fejn qal li ta’ min jiffoka fuq il-kredibilità ta’ xhieda minn naħa tal- BirdLife, li kienet osservat u rreġistrat il-każ bil-fotografija. Hu argumenta li x-xhieda kienet parzjali u sostna li kien qed jikkaċċa fniek u mhux għasafar, kif ukoll li ma kellux apparat elettroniku.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell irrifjutat dawn l-argumenti. Il-ġudikant osserva li l-apparat elettroniku jidher ċar fid-dejta tar-ritratti, u dan kien ikkonfermat minn affidavit tal-pulizija, u qatt ma ġie kontestat quddiem il-qorti tal-maġistrati.
Il-qorti kkonkludiet li, “l-evidenza ma tħallix dubju li l-appellant kien fuq il-post u fil-pussess tal-oġġetti indikat mill-pulizija,” u ddikjarat li l-argument li ma kellux apparat elettroniku biex jattira l-għasafar ma kienx ”korrett”.
Il-Qorti qalet ukoll li l-protest dwar x-xhieda tal-NGO kienu inkorretti, billi d-deċiżjoni tal-maġistrat ma bbażatx ruħha biss fuq ix-xhieda tal-BirdLife iżda wkoll fuq l-ispezzjonijiet tal-pulizija fil-post. B’konsegwenza, il-multa ta’ €2,000 u s-sospensjonijiet tal-liċenzji u tal-armi ġew ikkonfermati, u l-perjodu tas-sospensjoni jibda mid-data tas-sentenza. Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Neville Camilleri.
//= $special ?>

