Lokali

L-MUMN tiddikjara tilwima industrijali minħabba “s-sitwazzjoni gravi” f’Karin Grech

Ftit sigħat wara li l-Gvern ħareġ jgħajjat vittorja u wara li l-Prim Ministru Robert Abela iddikjara li l-poplu Malta ħa “fair value” mid-deal ma’ Vitals u Steward, il-union għall-infermieri u l-qwiebel iddikjarat tilwima industrijali f’Karin Grech.

Fi stqarrija, l-MUMN, spjegat li kienet sfurzata tiddikjara tilwima internazzjonali u anke toħroġ numru ta’ direttivi b’rabta ma’ Health and Safety lill-ħaddiema membri tagħha minħabba l-istat allarmanti li qiegħed fih l-Isptar Karin Grech.

Il-union spjegat li l-Isptar jeħtieġ tiswijiet estensivi u urġenti, b’partijiet tas-saqaf saħanistra qed iċedu. Fis-sala R1 t-toilet tal-qraba tal-pazjenti kellu saħanistra jingħalaq mill-periti għaliex kien ikkundannat, u anke ddikjarat li huwa ta’ periklu imminenti li jċedi.

L-MUMN kompliet tispjega li l-kriżi fl-Isptar Karin Grech tmur lil hinn mill-infrastruttura. Bil-union tispjega li infermieri sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ periklu minħabba pazjenti li jikkonsmaw l-akoħol b’mod apert u anke l-marijuana.

Fid-dawl ta’ dan, l-infermiera ippreżentaw numru ta’ rapporti u anke talbu sabiex ikun hemm securities fis-sala – iżda dan waqa’ fuq widnejn torox.

Huwa propju għalhekk li l-MUMN issa appellat sabiex id-diviżjoni tas-saħħa tieħu azzjoni, partikolarment kontra l-Kap Eżekuttiv ta’ Karin Grech u anke ċ-Chief Nursing Manager.