“Nibqgħu niftakru lil dawk kollha li għaddejjin mill-kalvarju tal-vjolenza domestika u ma ninsew qatt lil oħti Bernice li żewġha ddeċieda li jekk ma tkunx tiegħu ma tkun ta’ ħadd. Il-fokus għandha tkun hi u mhux Roderick.”
Dan ħareġ minn fomm oħt Bernice Cassar, Alessia Cilia Portelli li tkellmet mal-ġurnalisti dwar is-sentenza ta’ 40 sena ħabs li ngħata Roderick Cassar ta’ 40 sena mill-Imqabba. Emmozzjonata, dwar każ traġiku ta’ femiċidju li jkompli juri l-pjaga serja tal-vjolenza domestika f’Malta, oħt il-vittma semmiet liż-żewġ ulied ta’ oħtha ta’ ħamsa u tmien snin dwar minn xiex għaddew u għadhom jgħaddu sa issa.
Roderick Cassar ġie kkundannat 40 sena ħabs wara li ammetta li qatel lil martu, Bernice Cilia, tliet snin ilu. Is-sentenza kienet riżultat ta’ ftehim ta’ patteġjament bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, li l-familja ta’ Bernice ħasset li kellha taċċetta dan kollu, kif spjegat ukoll waħda mill-avukati tagħhom, Marita Pace Dimech.
Alessia Cilia Portelli, tkellmet b’qalb maqsuma dwar kif 40 sena ħabs “mhumiex verament 40 sena”, u fakkret fis-snin ta’ tbatija li għaddiet minnhom oħtha qabel ma tilfet ħajjitha. Hija enfasizzat ukoll li Bernice kienet mara kuraġġuża, li ppruvat teħles minn relazzjoni abbużiva għal ġid tagħha u ta’ wliedha, imma sfortunatament dan spiċċa bit-telfa tagħha.
Filwaqt li esprimiet dieqa kbira lejn is-sitwazzjoni, Alessia appellat biex il-pubbliku jitkellem fuq Bernice, mhux fuq il-qattiel jew is-sentenza. “Ilum titkellmu fuq Bernice, fakkru min kienet Bernice. Hemm barra tkellmu fuq Bernice… Bernice ma ħaqqhiex tintesa.”
Il-messaġġ tagħha hu ċar — li s-soċjetà għandha tkompli tfakkar u tonora lil dawk in-nisa li jmutu f’ċirkustanzi bħal dawn, u tkompli titlob ġustizzja u bidla reali kontra l-vjolenza domestika.
L-Avukat Pace Dimech qalet li l-parte civile ma setgħet tagħmel xejn dwar dak li ġara. “Le ammetta, ammetta” temmet tgħid l-Avukat.
//= $special ?>

