Adrian Delia
Ix-Shadow Minister
tal-Finanzi
Numru ta’ punti li jemerġu mid-Diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla u li jimmeritaw attenzjoni u analiżi.
Familji b’aktar ulied
Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista maħruġa ftit tal-ġimgħat ilu biex jinċentiva aktar ulied fil-familji u wkoll dak li tħabbar fil-Baġit mill-Gvern dwar l-istess ħaġa huma fid-direzzjoni t-tajba.
Għaliex meta dak li jitkattar u jkun iġġenerat fil-pajjiż imur biex jitqassam f’miżuri differenti, allura aktar mal-Gvern jirnexxielu jidentifika lis-setturi li tassew ikollhom bżonn u dawn jibbenefikaw, allura dan hu tajjeb.
Għax il-Gvern jista’ jgħin lil dak li għandu bżonn permezz tal-għajnuna… lill-carers, lill-persuni b’diżabbiltà, lill-pensjonanti u lil diversi setturi oħrajn, imma din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista u issa anki mill-Gvern huma maħsuba mhux għal min għandu diffikultà bħalissa, imma biex tħajjar ukoll ħalli jkun hemm aktar tfal.
Waħda mill-problemi – u din hi ċara u ma twelditx issa – hi r-rata baxxa ta’ fertilità u għalhekk il-Gvern tal-ġurnata jrid isib mod kif se jinċentiva aktar twelidijiet.
Din hi problema li qed tolqot lil diversi pajjiżi; qed tolqot lill-Ewropa kollha… u għalhekk kull gvern irid jara kif se jsib mod biex jinċentiva aktar twelidijiet. Dwar dan il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu; naqblu li nħajru u ngħinu biex aktar koppji jkollhom iżjed ulied.
Koppji f’diffikultà
Kull miżura li hi favur il-ħaddiem u favur il-familji tagħna hi tajba iżda mbagħad tajjeb li wieħed jistaqsi jekk dawn il-miżuri humiex iwasslu għall-iskop mixtieq.
Illum sirna aktar konxji mill-fatt li l-ħin hu kontra tagħna. Kemm-il darba għandek liż-żewġ ġenituri qegħdin jaħdmu biex ilaħħqu mal-impenji tal-ħajja li kontinwament qegħdn jiżdiedu, allura bejniethom dawn għandhom inqas ħin għad-dispożizzjoni tagħhom.
Hu stat ta’ fatt li llum il-ġurnata l-koppji qed isibu problema serja biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom għall-fatt li l-istess proprjetà qegħda dejjem tiżdied fil-prezz tagħha. Dan hu fatt li ma jista’ jinnegah ħadd.
Dan fih innifsu qiegħed iwassal biex il-koppji llum iridu jaħdmu ferm u ferm aktar biex ikollhom flus biżżejjed biex ikunu jistgħu jidħlu għal dan l-impenn li jixtru l-proprjetà tagħhom… bl-intrigu kollu li ħaġa bħal din iġġib magħha, inkluż is-self mill-banek, l-irranġar tal-istess proprjetà, ix-xiri tal-għamara…
Hemm sitwazzjoni oħra li wieħed irid jagħti kasha wkoll… dik li jekk għandek koppja fl-età ta’ tletin sena, xi ftit inqas jew xi ftit aktar, u din trid tidħol għal dan l-impenn ta’ xiri ta’ proprjetà, allura awtomatikament se jonqos il-perjodu biex ikun jista’ jkollha l-ulied!
Jiġifieri hemm diversi realtajiet oħra li qed iwasslu biex qed tippersisti din il-problema tan-nuqqas ta’ ulied.
Il-problema tal-overpopulation
Imbagħad tfeġġ il-problema serja tal-overpopulation. Jien dejjem sostnejt li rridu noqogħdu attenti ħafna fil-mod kif il-Gvern iġib lill-ħaddiema barranin f’pajjiżna bl-iskuża jew bir-raġuni mogħtija tkun dik li hawn nuqqas ta’ nies biex jaħdmu f’ċerti setturi.
Jiġifieri fil-pajjiż illum għandna din il-problema serja… l-għadd ta’ barranin fostna qiegħed dejjem jiżdied filwaqt li l-għadd ta’ Maltin qegħdin jonqsu. Dan ifisser li dalwaqt – fi ftit tas-snin oħra – se jiġri li aħna l-Maltin se nkunu f’minoranza f’pajjiżna stess!
Dan kollu qed ngħidu għaliex din il-proposta li tinċentiva aktar ulied hi direttament marbuta mal-fatt li aktar Maltin qed ikollhom diffikultà biex ikollhom familji akbar.
Il-Gvern mhux jagħti kas tal-ambjent
Dan ifisser li rridu nsibu mod kif inħajru lil dawn il-familji u naġevolawhom biex ikollhom aktar ulied. Naturalment imbagħad iqum id-diskors dwar l-ambjent li qegħdin ngħixu fih, dwar il-frustrazzjoni tal-overpopulation, dwar il-problemi tal-iġġammjar tat-traffiku, dwar il-bini bl-addoċċ… dawn kollha flimkien qegħdin iwasslu biex mhux biss jiżdiedu l-problemi tas-saħħa mentali, imma anki biex il-koppji tagħna jżommu lura milli jkollhom aktar uliedi.
Hu importanti ħafna fil-ħajja tal-lum li anki fil-mod kif issir il-politika u kif titwassal il-politika wieħed jagħraf ikun bilanċjat u l-abjad jgħidlu li hu abjad u l-iswed jgħidlu li hu iswed għax tajjeb li l-Gvern jivvota l-flus għal tali proġetti u għal tali aġenziji fi ħdanu, imma hu imperattiv li aktar milli wieħed jikkritika dik in-nefqa jitlob u jinsisti li jkun assigurat li dawn il-flus ivvutati, jintefqu b’mod responsabbli u xi ħadd ikun akkontabbli għal dak kollu li jkun qed isir u għan-nefqa li tkun qed issir.
Akkontabbiltà fl-infiq
Niftakar li meta l-Gvern, sebgħa/tmien snin ilu, kien qal li se jonfoq €700 miljun għat-toroq, jien kont għedt li mhux biżżejjed li jintefqu dawn il-mijiet ta’ miljuni kemm-il darba ma jkunx hemm pjan ħolistiku u serju dwar kif se jkunu immaniġġjati t-toroq għax inkella se jiżdiedu t-toroq, se jiżdiedu l-karozzi fit-toroq u l-problemi fit-toroq se jiżdiedu flok jonqsu kif fil-fatt ġara u qed naraw madwarna.
Tajjeb li ngħinu lin-negozji biex jaħdmu u jkabbru l-operat tagħhom u jikkreaw aktar u aħbar b’inqas nies, imma mbagħad il-Ministru tal-Finanzi jrid ikun assertiv fuq il-Ministri kollegi tiegħu biex jassigura li titwettaq il-politika mwiegħda bil-kitba.
Il-ħolqien tal-Pre Budget Document
Kien il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni li ħoloq l-idea tal-Pre-Budget Document. Meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni ma kien joħroġ l-ebda dokument ta’ qabel il-Baġit. Hu tajjeb li jsir dan il-Pre Budget Document u tajjeb ukoll li n-nies ikunu jistennewh.
Ċirka tliet snin ilu l-Partit Nazzjonalista ma baqax jagħmel dan id-dokument u nemmen li hu tajjeb li dan id-dokument jerġa’ jibda jsir. Iżda hu ferm importanti li wieħed jagħraf ukoll li minkejja li dan id-dokument fl-aħħar snin ma sarx, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda baqa’ joħroġ il-proposti tiegħu. Sena wara sena.
Ħriġna l-proposti kuntrarju għal dak li kien jagħmel il-Partit Laburista li kien jgħid li kellu road-map iżda ma kienx jgħid x’tinkludi din ir-road-map. U meta kien ikun mistoqsi kien jgħid “imbagħad naraw”!
Konsultazzjoni bikrija
Tajjeb li bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkun hemm il-pre dispożizzjoni li dwar ċerti oqsma nitkellmu u niddiskutu flimkien biex darba naqblu dwarhom hekk inkunu nistgħu mmexxu ’l quddiem. Insemmi s-settur finanzjarju fejn tajjeb li jkun hemm pożizzjoni waħda b’saħħitha. Insemmi s-settur tat-trasport ejja nitkellmu u mmexxu flimkien lejn il-veru ġid tal-pajjiż.
Id-dejn dejjem jiżdied
Il-piż tad-dejn, li jinkludi wkoll il-cost ta’ dak id-dejn – l-imgħax li jammonta għal madwar miljun ewro kuljum – iwassal lill-poplu biex jistaqsi: Imma għalfejn qiegħed isir dan id-dejn kollu?
Hemm għajnuniet li jridu jingħataw u dawn jiswew il-flus u wieħed jaqbel mal-għoti ta’ dawn l-għajnuniet. Imma trid tiddaħħal il-kultura li fil-pajjiż għandna bżonn ta’ investiment kapitali li jkompli jikber. Jiġifieri rridu lkoll nifhmu li d-dejn, jekk se jsir, għandu jsir biex isir l-investiment kapitali li jkun hemm bżonn.
Għandna sitwazzjoni fil-pajjiż fejn hu stat ta’ fatt li l-Gvern qiegħed jonfoq ferm aktar milli qiegħed idaħħal u hawn tqum mistoqsija leġittima oħra: Il-Gvern ma jistax tal-inqas jonfoq daqskemm qiegħed idaħħal jew jonfoq inqas milli qiegħed joħroġ biex hekk id-dejn tal-pajjiż jibda jonqos?
Il-Gvern ma jistax jiġġenera aktar investiment barrani aktar milli jiġġenera dħul mit-taxxi? Bla dubju li hemm numru ta’ setturi fejn il-Gvern seta’ u jista’ jonfoq ferm u ferm inqas milli nefaq jew qed jonfoq. Hemm setturi fejn hemm il-ħala u dan m’għandux ikun. Kellna u hawn proġetti fejn l-infiq fihom qabeż kull limiti. Wieħed biżżejjed jara x’ġara fil-qasam tas-saħħa! Bla dubju ta’ xejn li l-Gvern imissu jkollu dixxiplina fiskali effettiva ħafna aktar milli fil-fatt għandu u dan għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu.
Proġetti jispiċċaw jiswew ferm aktar milli pproġettat
Mhix aċċettabbli li b’mod konsistenti qiegħed ikun hemm proġetti li jispiċċaw jiġu jiswew ferm u ferm aktar milli jkun ipproġettat. Għalfejn dan l-infiq kollu bl-addoċċ? Xi ngħidu għall-persons of trust kullimkien? Għadd ta’ Ministeri hemm fihom għadd ġmielu ta’ persons of trust mingħajr ebda kontroll ta’ xejn!
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jaħdem biex fl-ekonomija tagħna d-dħul ikun aktar mill-ħruġ u eżermpju ċar dwar dan l-impenn jista’ jkun mis-settur turistiku fejn il-Gvern, flok jirreklama għal turiżmu tal-massa, jirreklama għal turisti li jonfqu aktar u hekk dawn iħallu ferm aktar fil-Kaxxa ta’ Malta.
Nattiraw turiżmu ta’ kwalità ogħla
Pajjiżna żgur li jiggwadanja jekk flok ammont ta’ turisti li kapaċi jonfqu €100 kull wieħed jattira l-istess ammont ta’ turisti li iżda jkunu kapaċi jonfqu €200 kull wieħed. Hekk pajjiżna jdaħħal fil-Kaxxa ta’ Malta.
Eżempju ieħor hu li għall-gaming, għall-farmaċewtika, għall-avjazzjoni, għall-assigurazzjoni… nattiraw ħaddiema barranin li jdaħħlu aktar biex hekk pajjiżna jdaħħal aktar hu wkoll grazzi għat-taxxi li dawn il-barranin iħallsu.
Dak li rridu nagħmlu, anki biex nikkontrollaw l-isplużjoni tal-popolazzjoni, hu li nidentifikaw l-oqsma fejn għandna bżonn il-ħaddiema barranin. Pereżempju s-setturi tal-carers u oqsma oħrajn li pajjiżna tassew għandu bżonnhom, iżda ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jissokta jibbaża fuq mudell ekonomiku bażat fuq li jġib aktar ħaddiema barranin f’pajjiżna.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

