Albert Buttigieg
Shadow Minister għan-Newrodiversità
u l-Ħarsien tat-Tfal
F’dawn il-ġranet fil-Parlament tkellimna dwar il-lingwa tas-sinjali għal persuni nieqsa mis-smigħ u fuq il-ħtieġa li jkun hemm l-interpreti li jkunu kwalifikati bil-warrants biex b’hekk jintlaħaq livell ta’ professjonalità f’dan il-qasam.
Fid-diskors tiegħi, fakkart li l-lingwa tas-sinjali ilha tkun mgħallma f’pajjiżna sa mill-1950. Intant, fl- 2016, din kienet approvata bħala lingwa uffiċjali, flimkien mal-Malti u l-Ingliż.
Matul dawn is-snin saru diversi passi ‘l quddiem .Iżda fl-istess ħin, teżisti differenza bejn id-diversi liġijiet u dokumenti uffiċjali u r-realtà li dawn il-persuni qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
L-istess bħall-oqsma soċjali l-oħra, hemm diversi barrieri bejn dak li hemm fuq il-karti u l-isfidi ta’ kuljum għl dawn il-persuni m.
Għaldaqstant, ikun ta’ xejn li ngħaddu l-liġijiet sakemm ma nifhmux u napprezzaw dawn l-isfidi tagħhom u nidħlu fiż-‘żarbun tagħhom’.
Hemm ħtieġa li kulmin m’għandux din il-vulnerabbiltà jifhem, fuq kollox, li dawn il-persuni qed jgħixu f’silenzju kontinwu… is-silenzju li huma qed jgħixu fih huwa silenzju li joffri stat ta’ vulnerabbiltà u nuqqas ta’ komunikazzjoni ma’ oħrajn.
Bħala bnedmin aħna lkoll maħluqin biex nikkomunikaw bejnietna u nidħlu f’komunikazzjoni ma’ oħrajn ħalli naqsmu l-emozzjonijiet, l-opinjonijiet, il-weġgħat u l-ferħ ta’ ħajjitna. Dan ifisser li dawn il-persuni nieqsa mis-smiegħ għandhom sfida kbira ta’ komunikazzjoni.
Sfida ta’ komunikazzjoni
Għaldaqstant, il-lingwa tas-sinjali hija l-mod kif dawn il-persuni jistgħu jikkomunikaw. Dan ifisser li jeżistu d-diffikultajiet kbar f’sitwazzjonijiet fejn ma hemmx l-għarfien ta’ din il-lingwa jew inkella s-servizz ta’ interpretu ta’ din il-lingwa. Sitwazzjonijiet li jkomplu jippermettu għas-silenżju u mhux ftit tal-frustrazzjoni.
Bħala kelliem għall-ħarsien tat-tfal, nisħaq kemm huwa ta’ importanza li dawk it-tfal li huma nieqsa mis-smiegħ sa minn ċkunithom ikunu mgħallma din il-lingwa. Kemm hu ta’ importanza li jkun hemm il-persuni kwalifikati li jservu ta’ interpreti u li jgħinu lil dawn it-tfal jitgħallmu u jsegwu l-lezzjonijiet fl-iskejjel.
Għaliex kif dawn it-tfal jistgħu jitgħallmu l-iskola, meta nafu li ma hemmx persuni u riżorsi biżżejjed biex jagħmlu dan? Dawn it-tfal qegħdin ikollhom interpreti li jkunu LSEs għalihom? Kemm hemm taħriġ fost l-għalliema biex huma jkunu sensittivi għal dawn it-tfal? Għalkemm nifhem li l-għalliema tagħna, illum, għandhom diversi tfal bi sfidi u abbilitajiet differenti, jibqa’ l-fatt li l-għalliema jridu jkunu partikularment sensittivi għal din il-kategorija speċifika ta’ tfal.
Allura, il-mistoqsija tibqa’: ‘Kemm għandna tfal bin-nuqqas ta’ smigħ u kemm minn dawn għandhom l-LSEs li huma wkoll interpreti tal-lingwa tas-sinjali? Jidher, intant, li l-Gvern Laburista kapaċi jsib il-fondi għal kollox IMMA MHUX GĦAL DAWN IT-TFAL!!
Nifhmu li nuqqas ta’ edukazzjoni jwassal għal nuqqas ta’ impiegi/karrieri tajbin u allura nuqqas ta’ kwalità tal-ħajja.
Dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni joħroġ ukoll fuq livell ta’ Gvern u L-entitajiet pubbliċi. Sfortunatament, waqt id-diversi konferenzi stampi – kemm politiċi kif ukoll pubblici – ma jkunx hemm persuna li tagħmilha ta’ interpretu tal-lingwa tas-sinjali.
Għaldaqstant, wieħed jistaqsi wkoll kif jistgħu dawn il-persuni jieħdu interess f’dak li qed iseħħ bħalissa f’pajjiżna.
Tajjeb li jkollna wkoll il-messaġġi u tabelli li jgħinu lil dawn il-persuni biex jgħixu aħjar fil-komunità. Permezz ta’ dawn it-tabelli, dawn il-persuni jistgħu jifhmu aħjar u jagħmlu użu tajjeb minn diversi servizzi offruti fil-komunità. Hawnhekk ma nistax ma ngħidx prosit lill-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar li, riċentement, waħħal it-tabelli biex jgħinu lil dawn il-persuni fid-diversi positijiet pubblici. Inizjattiva li tipprovdi eżempju lill-Kunsilli l-oħra.
Sfida fuq il-post tax-xogħol
Barra l-isfida tal-komunikazzjoni hemm ukoll l-isfida għal min irid jaħdem. L-esperjenza turina li wieħed isib diversi ħaddiema (u anki dawk li jħaddmu) li ma jafux kif iġibu ruħhom jew inkella jikkumunikaw ma’ dawn il-persuni.
Dan jinvolvi sfida sinifikanti u tajjeb li kulmin jaħdem fil-qasam tal-human resources ikollu t-taħriġ neċessarju biex jaċċerta li ma jkunx hemm diskriminazzjoni lejn il-persuni nieqsa mis-smigħ.
L-esperjenza turina li dawn il-persuni – jekk kemm-il darba jingħataw l-opportunità u t-taħriġ – huma kapaċi daqs ħaddieħor. Qiegħed ngħid dan għaliex l-esperjenza turina li persuni li huma diffenti, għal diversi raġunijiet, ibatu min-nuqqas ta’ stima lejhom infushom.
Għalkemm l-istrategija għal persuni b’diżabbiltà 2021- 2030 titkellem dwar id-dinjià’ ta’ dawn il-persuni, irridu naħdmu aktar biex ngħinu lil dawn in-nies ikattru sens ta’ self esteem aktar b’saħħtu u resiljenti.
Konklużjoni
Biex dawn il-persuni jegħlbu l-isfida tan-nuqqas ta’ smigħ hemm bżonn li jkun hemm:
il-ħtieġa għall-komunikazzjoni;
bżonn ta’ edukazzjoni inklussiva;
aċċessibbiltà għall-informazzjoni
ħidma biex ma jkunx hemm esklużjoni soċjali.
Filwaqt li nsellem lill-persuni kollha nieqsa mis-smigħ, insellem ukoll lil dawk li jagħmluha ta’ interpreti.
Jalla aħna lkoll kemm aħna nifhmu li l-progress vera ta’ pajjiżna ma jitkejjilx biss bil-Prodott Gross Domestiku (GDP) iżda minn kemm qed naħdmu biex nagħmlu lis-soċjetà tagħna aktar umana, aktar ġusta u aktar inklussiva.
B’hekk biss, ħadd ma jħossu daqslikieku barrani f’daru stess!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 5 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

