Opinjoni

OPINJONI: Viżjoni – mhux biss replika

Il-lista ta’ proposti ta’ Alex Borg hija wiesgħa u ambizzjuża u għandha biss l-intenzjoni li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali għal-lum u għas-snin li ġejjin

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ma tax biss replika tal-baġit, iżda introduċa lista wiesgħa ta’ proposti li jkopru mill-fiskalità u s-suq tax-xogħol sal-infrastruttura u l-edukazzjoni u s-saħħa pubblika.

Dawn il-proposti joffru sett ta’ miżuri strateġiċi li, jekk jiġu implimentati b’għaqal u b’kordinazzjoni, jistgħu jbiddlu l-mudell ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna biex ma nibqgħux ngħixu biex naħdmu imma nibdew naħdmu biex ngħixu. F’dan l-artiklu qasir se nirrivedu l-punti ewlenin, fost l-ispjegazzjoni tal-impatt potenzjali tagħhom u bl-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet prattiċi li jistħoqqilhom aktar diskussjoni.

Proposti li jkopru diversi oqsma

Il-proposti jkopru diversi oqsma: il-politika fiskali (tnaqqis ta’ taxxi u inċentivi fiskali); ir-riġenerazzjoni tas-suq tax-xogħol (inċentivi għall-investiment, għat-teleworking, għat-tnaqqsi fis-sigħat, iċ-child care fil-postijiet tax-xogħol); id-diversifikazzjoni ekonomika (bl-introduzzjoni tal-MedTech, tas-cyber security, tal-cryptography); ir-riorganizzazzjoni tal-infrastruttura lokali (bl-introduzzjoni tat-trasport tal-massa, tal-AI għat-traffiku, it-titjib fit-toroq u vapuri ġodda bejn il-fliegu) – kif ukoll, investiment fil-kura tas-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-ambjent (afforestazzjoni, proġett New Water).

Il-Partit Nazzjonalista ressaq miżuri li jinkludu t-tnaqqis tat-taxxi fuq żidiet fil-ħajja; eżenzjoni ta’ taxxa fuq l-ewwel €10,000 mid-dħul mill-part-time jew l-overtime; inċentivi fiskali għal min jimpjega u tnaqqis ġenerali tat-taxxi li jmiss lil kulħadd – u mhux kif propost fil-baġit ta’ Robert Abela.

Dawn il-proposti huma mfassla biex jispiraw it-tisħiħ fl-investiment privat u għandhom iservu bħala stimolu għall-pagi…Proposti msejsa fuq l-idea li jinżamm bilanċ delikat u responsabbli bejn l-infiq u d-dħul pubbliku. Illum, Abela u l-Ministru tal-Finanzi tiegħu Clyde Caruana, qegħdin jibnu ekonomija li toħroġ aktar milli ddaħħal – u b’hekk il-pajjiż qed ikompli jogħdos fid-dejn.

Alex Borg, issa, ilu ġimgħat sħaħ jitkellem dwar miżuri relatati max-xogħol li jinkludu appoġġ akbar  lit-teleworking u lill-kunċetti tar-reduced hours u flexible hours. Il-Partit Nazzjonalista tkellem b’mod vast dwar il-proġett pilota biex tkun introdotta l-4-day week sabiex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u inċentivi għal child care centres fil-kumplessi tal-kumpaniji ewlenin.

Dawn il-punti jindirizzaw il-work-life balance u l-problemi għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema – speċjalment tal-ġenituri u ta’ nies oħra li għandhom familja jew membri familjari taħt il-kustodja tagħhom. Wieħed irid jifhem li, jekk jiġu implimentati, irid isir studju fiskali li jikkalkula l-effett fuq il-ġbir tat-taxxi, il-proporzjon ta’ ħlas lura f’inċentivi u l-effetti fuq l-impjiegi privati u fuq is-servizzi pubbliċi.

Niddiversifikaw l-ekonomija tagħna

Alex Borg tkellem ukoll dwar l-importanza li niddiversifikaw l-ekonomija tagħna – aspett li l-Partit Nazzjonalista ilu sa mill-2022 jitkellem dwaru, tant, li anki fil-Manifest Elettorali, ressaqna ’l quddiem niċeċ ekonomiċi ġodda li jsaħħu l-ekonomija lokali. Tali pjan jappella u anki jestendi għal niċeċ ġodda, u għalhekk irridu nħarsu lejn investimenti bħall-MedTech, is-cyber security u l-cryptography (fost oħrajn) — ilkoll setturi li joffru xogħol b’valur miżjud u opportunitajiet għall-esportazzjoni.

Dan mingħajr ma nnaqqsu l-importanza li nittrattaw l-investiment fis-settur tal-avjazzjoni u s-settur marittimu; b’dawn tal-aħħar – jidhirli jien – għandhom jinkludu wkoll hubs edukattivi internazzjonali ta’ tagħlim li jattira studenti internazzjonali lejn pajjiżna. Is-suċċess f’dan qasam ikun ifisser tranżizzjoni lejn ekonomija aktar reżiljenti u inqas dipendenti fuq servizzi turistici tal-massa. Biex dan isir, jeħtieġ strateġija tal-ħiliet u tal-investiment fit-taħriġ sabiex iż-żgħażagħ ikunu kapaċi jissodisfaw dawn il-ħtiġiet ġodda huma u jirkbu fuq il-mewġ tan-niċeċ ekonomiċi ġodda li qegħdin jissaħħu ‘il hinn minn xtutna.

Fost il-proposti, jissemma’ ukoll il-bini ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali u l-investiment infrastrutturali tal-isptarijiet eżistenti (Monte Karmeli, San Luqa u Karin Grech). Dan ikun imsaħħaħ u sostnut ukoll b’investiment fil-kura paljattiva u s-servizzi ta’ newrodiversità.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-PN analizza l-importanza li jkompli jsir l-investiment fl-iskejjel minbarra l-modernizzazzjoni tal-laboratorji u l-promozzjoni ta’ STEM u skejjel vokazzjonali. Madankollu, Alex Borg enfasizza l-importanza li jkollna l-elementi bażiċi, fosthom biżżejjed LSEs biex jikkumplimentaw lill-istudenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim u tfal oħrajn b’diżabilità. Dawn il-miżuri huma kruċjali biex naċċertaw kwalità tal-ħajja ogħla.

Suġġerimenti prattiċi

Rigward it-trasport u l-infrastruttura, Alex Borg tkellem dwar pjan fit-tul li jinkludi proposti ambizzjużi: sistema ta’ trasport tal-massa; l-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-kordinazzjoni tat-traffiku; l-investiment fit-toroq arterjali u studju ta’ kif jistgħu jkunu megħluba l-bottlenecks.

Skont il-pjan iridu jitressqu wkoll suġġerimenti speċifiċi għall-baħar: l-introduzzjoni ta’ vapuri ġodda bejn Malta u Għawdex; it-trasformazzjoni tal-Port tal-Imġarr u l-ħolqien ta’ rotta ġdida bejn l-Imġarr u l-Freeport. Is-soluzzjonijiet bħat-trasport tal-massa u s-sistemi tal-AI, bla dubju, għandhom prezz finanzjarju, iżda għandhom ukoll prezz li jipprovdu l-benefiċċji fit-tul għal titjib fiżl-kundizzjonijiet tat-traffiku u l-ivvjaġġar b’mod ġenerali.

Dan għandu jkun ibbilanċjat, u għalhekk tressqu wkoll il-proposti ta’ afforestazzjoni, għal proġetti ta’ restawr ekoloġiku u għal proġett ta’ “New Water”  biex il-politika ekonomika titmexxa b’mod sinkronizzat mal-politika ekoloġika. Din l-attenzjoni għall-enerġiji rinnovabbli tikkonferma li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitkellem illum għall-kwalità tal-ħajja aħjar, ‘il quddiem.

Fil-qasam tal-ġustizzja soċjali il-Kap tal-PN indirizza wkoll il-kwistjonijiet soċjali li jaffettwaw lill-anzjani. Hu aċċenna l-importanza li jingħataw pensjonijiet xierqa u ġusti skont il-livell tal-għajxien li rridu għall-anzjani tagħna. Iżda fuq kollox, Alex Borg indirizza b’mod eċċellenti l-mod kif nistgħu ngħinu sabiex iż-żgħażagħ tagħna jinvestu fit-tul bl-introduzzjoni taċ-Child Fund – fond għall-ġenituri, li fih il-Gvern jiddepożita €5,000 għal kull tifel u tifla… Biex imbagħad, il-fond ikun aċċessibbli meta t-tifel jew tifla jagħlqu 20 sena.

Iċ-Child Trust Fund

Dan iċ-Child Trust Fund hu investiment fit-tul fit-tfal Maltin u Għawdxin… Mezz strutturat li bih l-Istat juri solidarjetà ma’ kull ġenerazzjoni ġdida… Billi tingħata għotja finanzjarja fil-mument tat-twelid li tikber tul is-snin u tgħin lil dak il-wild meta jkun irid jilħaq il-milja tiegħu. B’hekk, Gvern immexxi mill-PN mhux ikun qed jagħti benefiċċju ta’ darba, iżda jkun qed joħloq pedament għall-futur b’opportunità u tama …Bażi għall-ħajja li permezz tagħha, kull tifel u tifla jkunu jistgħu jistudjaw, jimirħu jew jsiru indipendenti bil-mod tagħhom ladarba jsiru adulti.

Il-lista ta’ proposti ta’ Alex Borg hija wiesgħa u ambizzjuża u għandha biss l-intenzjoni li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali għal-lum u għas-snin li ġejjin.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 5 ta’ Novembru, 2025.