Il-MEP Peter Agius indirizza l-European Health Summit organizzat minn The Parliament fi Brussell ilbieraħ. Dr. Agius, li hu membru fil-Kumitat tas-Saħħa tal-Parlament Ewropew, iffoka l-intervent tiegħu fuq il-bżonn ta’ aktar azzjoni kkoordinata mill-UE biex jiġu indirizzati d-differenzi fil-kura tas-saħħa madwar l-Unjoni Ewropea.
“Jiena ġej minn Malta fejn għandna kura tas-saħħa eċċellenti għall-aktar tipi komuni ta’ kanċer bħall-kanċer tas-sider; iżda sfortunatament għandna rati ta’ mwiet doppji għall-kanċer rari fejn huwa diffiċli tinkiseb l-aħjar teknoloġija u kompetenza għal popolazzjoni żgħira. Hawnhekk irrid li l-Ewropa tagħmel differenza. Irridu nagħmlu użu aħjar mill-għajnuna fil-kura li teżisti fil-pajjiżi u mill-finanzjament tal-UE għar-riċerka sabiex niżguraw li l-politika tal-UE tilħaq lill-pazjenti Maltin meta verament ikollhom bżonnha,” qal l-MEP Peter Agius fl-intervent tiegħu.
Is-Summit Ewropew tas-Saħħa jiġbor flimkien dawk li jfasslu l-politika, mexxejja industrijali u esperti dwar l-akbar sfidi fis-settur tas-saħħa u l-kura soċjali. L-MEP Peter Agius ipparteċipa f’sessjoni ddedikata għas-Saħħa Kardjovaskulari li issa se tkun suġġett għal Pjan ġdid tal-UE għas-Saħħa Kardjovaskulari li għandu jitnieda sa tmiem din is-sena.
Il-mard tal-qalb huwa l-aktar li jikkaważa mwiet f’Malta u fl-Ewropa, b’1,230 mewt f’Malta fl-2022 biss, li jirrappreżentaw 29.5% tal-imwiet kollha attribwiti għal problemi tal-qalb u taċ-ċirkolazzjoni. Fid-diskors tiegħu, Dr Peter Agius tenna kif l-Unjoni Ewropea tista’ toffri valur miżjud għall-ħidma tajba li qed issir fil-livell tal-Istati Membri billi tgħaqqad id-deċiżjonijiet politiċi differenti bi skop komuni li jwassal għal stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom.
“Wieħed minn kull tlieta Ewropej imut minn mard tal-qalb. Irridu nindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-maġġoranza tal-komplikazzjonijiet kardjovaskulari: l-ikel u l-istil ta’ ħajja. Huwa tal-mistħija li għadna ‘l bogħod ħafna mill-miri ddikjarati tal-UE biex jitnaqqsu l-konsum tat-tabakk u l-alkoħol. Għadna ‘l bogħod milli nqanqlu bidliet sinifikanti fl-istil ta’ ħajja biex jonqsu l-obeżità u d-dijabete li jibqgħu fatturi kontribwenti sinifikanti għall-mard tal-qalb,” qal Dr Agius.
//= $special ?>

