Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, ċaħad l-akkużi tal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky wara li hu insista li Orban qed ifixkel it-taħditiet għall-isħubija tal-Ukreni fl-Unjoni Ewropea…Atteġġjament li, skont Zelensky, hu parti mill-istrateġija ta’ Orban ‘biex juri appoġġ speċifiku lill-President Russu, Vladimir Putin’.
It-tensjoni bejn l-Ukrajna u l-Ungerija ilha tiħrax – l-istess bħall-gwerra bil-kliem bejn Orban u Zelensky …Gwerra verbali li qed tidher li ggravat wara li Zelensky, waqt intervista ma’ Euronews, sostna li ‘hu mgħandux l-intenzjoni li joffri xi konċessjonijiet lil Budapest’. Dan fost l-insistenza minn Zelensky li l-Ungeriżi ‘għandhom jappoġġjaw lill-Ukrajna li qed tiddefendi d-demokrazija fl-Ewropa’.
Volodymyr Zelensky qed isostni li l-Ukrajna, fil-preżent, qed tipproteġi lill-Ewropa kollha mill-qilla tar-Russja u ta’ Vladimir Putin…Iżda Orban qal li l-Mexxej Ukren qed jilgħab bid-diskors u li ‘l-Ukrajna mhix tiddefendi lill-Ungerija kontra kwalunkwe avverarju’. Il-PM Ungeriż kompla li l-Ungerija qatt ma talbet din il-protezzjoni meta għandha s-sigurtà garantita mill-kapaċitajiet ta’ difiża tagħha stess kif ukoll mill-isħubija l-Alleanza tan-NATO.
Orban, fl-istess ħin, żied li l-Ungerija provdiet l-ekwivalenti ta’ €200 miljuni f’għajnuna umanitarja lill-Ukrajna minbarra li għadha qed tissupplixxi l-gass u l-elettriku lil dan il-pajjiż.
Intant, il-Prim Ministru Ungeriż qed jkompli jinsisti bl-oppożizzjoni ta’ pajjiżu għat-tentattivi tal-Ukreni biex huma wkoll jiffurmaw parti mill-UE fil-ġejjieni.
Viktor Orban qal li ‘l-Ungerija ma tappoġġjax u lanqas mhi se tappoġġja din l-isħubija (Ukrena) għaliex żvilupp fuq dan il-livell għandu jiftaħ il-bibien beraħ għall-gwerra fl-Ewropa’. Intant, Orban żied li jippreferi li kieku l-Ukrajna ssir sieħba strateġika tal-Istati Ewropej aktar milli membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

