Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sejjaħ biex is-setturi Ewropej tal-iGaming u tas-servizzi diġitali jħaddnu “Fiduċja, Talent u Teknoloġija” bħala t-tliet pilastri ta’ suċċess fit-tul u ta’ tkabbir sostenibbli.
F’diskors li għamel waqt il-konferenza SiGMA Central Europe 2025 f’Ruma, Alex Borg faħħar ir-riformi li għamlet l-Italja fil-liċenzjar u ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej biex isaħħu l-kollaborazzjoni u l-konsistenza regolatorja tul il-fruntieri.
Hu qal li madwar l-Ewropa qed naraw era ġdida għall-iGaming – settur lest għal tkabbir responsabbli, investiment aktar qawwi u innovazzjoni kuraġġuża.
“Il-fiduċja tibda bir-regolamentazzjoni, ir-reputazzjoni u l-integrità. Meta r-regoli jkunu ċari u kredibbli, ma tibnix biss suq – tibni ekosistema,” qal Alex Borg.
Hu enfasizza li llum l-iGaming m’għadux biss dwar pjattaformi u reklamar, iżda nbidel f’industrija diġitali mifruxa li tinkludi xjenzi tad-data, sigurtà ċibernetika, ħlasijiet u AI. “Il-pajjiżi li jippjanaw bil-quddiem u jinvestu fit-talent u fl-edukazzjoni se jkollhom vantaġġ, billi joħolqu impjiegi ta’ valur għoli b’effett ta’ tkabbir fuq setturi oħra,” sostna l-Kap tal-PN.
Dwar it-teknoloġija, Alex Borg qal li l-innovazzjoni trid isservi kemm lit-tkabbir kif ukoll lir-responsabbiltà.
“Mill-personalizzazzjoni permezz tal-AI sal-trasparenza tal-blockchain, f’dan il-qasam wieħed ma jistax jeżisti mingħajr l-ieħor,” qal il-Kap tal-PN.
Waqt li rrefera għall-20 sena ta’ esperjenza ta’ Malta bħala pijuniera fir-regolamentazzjoni tar-remote gaming, Alex Borg qal li l-kredibbiltà u l-professjonalità għamlu lil Malta mudell għal oħrajn biex isegwu.
“Il-kredibbiltà tikber maż-żmien – fil-fiduċja tal-investituri, fil-karrieri speċjalizzati u fir-reżiljenza tas-suq,” irrimarka.


Alex Borg temm b’appell lill-partijiet kollha involuti:
- Lir-regolaturi biex jallinjaw ruħhom fuq qafas ibbażat fuq ir-riskju u mmexxi bit-teknoloġija;
- Lill-operaturi biex ikomplu jinvestu f’teknoloġiji aktar siguri u fil-ħiliet umani;
- Lill-edukaturi biex jespandu programmi fl-analiżi tad-data, il-konformità u l-inġinerija.
“Meta l-viżjoni tiltaqa’ mad-dixxiplina, it-tkabbir ikun sostenibbli,” qal Alex Borg.
“Ejjew inkomplu nibnu ekonomija diġitali u tal-iGaming li l-Ewropa tkun tista’ tħossha kburija biha – innovattiva, responsabbli u li toħloq l-opportunitajiet.”
//= $special ?>
