“Il-proposta tan-National Child Trust Fund turi li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg qed jaħseb dwar il-futur ta’ Malta”
Hekk sostna il-ġurnalist Tim Diacono f’artiklu li kiteb fuq LovinMalta fejn sostna illi l-pjan tal-Partit Nazzjonalista li joħloq dan il-fond nazzjonali, qed jitqies bħala waħda mill-aktar proposti interessanti u li jħarsu ‘l quddiem.
Tim Diacono tenna li fl-opinjoni tiegħu, din l-idea tħares lil hinn mill-politika għal terminu qasir. L-iskop ta’ dan il-pjan hu li, kull tifel u tifla li jitwieldu f’Malta jingħataw kont flus mill-gvern – fond li jikber maż-żmien u li jkun jista’ jintuża ġaladarba ż-żgħażagħ jagħlqu l-20 sena.
L-għan aħħar ta’ dan il-fond hu biex jgħin liż-żgħażagħ jibdew il-ħajja adulta billi jkollhom xi ħaġa tal-flus imfaddla. Tim Diacono kiteb li din il-proposta turi li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg qed jaħseb dwar il-futur ta’ Malta u mhux biss għall-elezzjoni li jmiss.
Fl-artiklu tiegħu, Tim Diacono sostna li l-pjan huwa finanzjarjament possibbli. Dan jiswa’ madwar €22 miljun fis-sena, li huwa inqas minn dak li l-gvern bħalissa qed jonfoq fuq it-trasport pubbliku b’xejn.
Fl-aħħar jiem, kien hemm numru ta’ esperti li faħħru din l-inizjattiva – fosthom Patrick DeBattista, li huwa analist finanzjarju. Hu qal illi jinsab kburi b’din il-proposta għaliex il-litteriżmu finanzjarju qiegħed jingħata importanza fil-qalba tal-aġenda nazzjonali.
Matthew Borg, li jmexxi negozju u huwa personal coach, tenna li l-proposta ta’ Alex Borg għal child trust fund ta’ €5,000 għal kull tarbija, hija inkoraġġanti. Huwa sostna li dan huwa “bidu pożittiv, li jgħaqqad l-inklużjoni finanzjarja ma’ opportunitajiet futuri.”
Luca Caruana li wkoll huwa kowċ finanzjarju stqarr li l-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista għoġbitu mmens u tagħti liż-żagħżagħ pedament li jistgħu jkomplu jibnu fuqu.
//= $special ?>

