L-awtoritajiet fil-Filippini qed janalizzaw l-iskala tal-qerda b’kaġun tat-Tifun Kalmaegi li fl-aħħar jiem għadda straxxnat minn diversi gżejjer bir-riżultat li mietu ‘l fuq minn 120 persuna. Kalmaegi hu wieħed mill-akbar maltempati tas-sena fir-reġjun u anki ħalla xeni devastanti ta’ tifrik fiċ-ċentru ta’ dan il-pajjiż
Fl-aħħar jiem, il-mijiet tal-eluf kellhom jaħarbu minn djarhom biex ma jisfawx huma wkoll vittmi tal-elementi. Dan meta l-għargħar dovut għat-tifun faqa’ bliet sħaħ fil-gżira ċentrali ta’ Cebu fejn jgħixu numru sinifikanti ta’ residenti.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, kienu qed ikunu rkuprati l-għexieren tal-katavri minn Cebu, b’viċin il-mija jkunu rappurtati nieqsa.
Fl-aħħar ġranet, il-filmati miġbuda mill-ajru wrew persuni li kienu kostretti li jitilgħu fuq is-soqfa tad-djar f’tentattiv iddisprat biex isalvaw mill-għargħar.
Dan waqt li diversi toroq saru jixbħu ‘widien kbar’ ippakkjati bil-karozzi mfarrkin u kontejners tal-merkanzija mifruxin mad-diversi bnadi.
Fost il-vittmi tat-tifun hemm ukoll sitt membri tal-ekwipaġġ ta’ ħelikopter militari li ġġarraf fil-gżira ta’ Mindanao, lejn in-nofsinar ta’ Cebu. Dan kien wieħed minn diversi ħelikopters li kienu qed jassistu fl-għajnuna lill-Filippini li ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq b’riżultat tat-tifun.
Fl-istess ħin, l-impatt tal-għargħar se jibqa’ jinħass għat-tul taż-żmien fil-provinċja ta’ Cebu – u fost rapporti li aktar minn 400,000 spiċċaw jgħixu bħal refuġjati b’kaġun tad-diżastru naturali.
Fl-aħħar sigħat, it-Tifun Kalmaegi kien qed jiġġenera l-irwiefen b’veloċità ta’ 130 kilometru fis-siegħa u meta kien qed javvanza diġà mill-kosta tal-Vjetnam u fid-direzzjoni tal-ibliet ċentrali.
‘Kalvarju ta’ maltemp’ inevitabbli għall-Vjetnam
Il-maltemp tat-tifun, fil-fatt, beda jżid sew fl-intensità – bil-Vjetnamiti qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha f’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza. Dan ukoll fi żmien meta l-pajjiż diġà qed iġarrab l-inżul tax-xita rekord, flimkien mal-għargħar sussegwenti.
Mhux eskluż li t-Tifun għandu jtella’ l-mewġ tal-baħar barra l-Vjetnam sa għoli ta’ disa’ metri.
Sadanattant, fl-aħħar sigħat, kienu mġiegħla jagħlqu tal-anqas sitt ajruporti fil-Vjetnam, bil-Gvern f’Hanoi jistenna li mijiet tat-titjiriet jispiċċaw affettwati mill-elementi.
Il-Viċi-Prim Ministru tal-Vjetnam, Tran Hong Ha wissa lill-poplu biex jeżerċita l-massimu tal-kawtela fiċ-ċirkustanzi. Hu, fl-istess ħin, ħeġġeġ biex l-awtoritajiet lokali kollha jieħdu kull miżura ta’ emerġenza possibbli huma u jistennew l-impatt tal-maltemp li, bħalissa, qed jolqot numru ta’ provinċji Vjetnamiti.
//= $special ?>

