Malta niżlet post ieħor fl-aħħar klassifika globali dwar ir-rule of law u tinsab issa fit-31 post, skont rapport ippubblikat mill-World Justice Project – b’numru ta’ indikaturi li juru tħassib serju dwar il-governanza, il-korruzzjoni u l-kontabbiltà. Din hija l-aktar klassifika baxxa ta’ pajjiżna minn meta ngħaqadna ma’ dan l-indiċi fl-2021.
Malta niżlet mill-39 post għall-43 f’dak li għandu x’jaqsam mal-limiti fuq il-poter tal-gvern. Dan ifisser li l-Gvern Malti mhux qed jinżamm responsabbli biżżejjed, u li hemm nuqqas ta’ regoli b’saħħithom.
Fuq livell ta’ korruzzjoni, il-pulizija u l-qrati jiksbu riżultati tajbin iżda Malta falliet fil-ġlieda kontra l-koruzzjoni minn naħa tal-Gvern.
F’ċerti oqsma, bħal aċċessibbiltà, affordabbiltà u ġustizzja fil-qrati, Malta tikseb punti pożittivi. Madankollu, id-dewmien fil-qrati tibqa’ problema kbira li ilha tiġi enfasizzata f’diversi rapporti Ewropej.
Ir-rapport juri li Malta hija pajjiż sigur, madanakollu l-kontroll tal-kriminalità huwa ftit inqas mill-medja reġjonali.
F’termini ta’ trasparenza u parteċipazzjoni pubblika, Malta tibqa’ lura. Il-pajjiż jikseb punteġġ taħt il-medja f’aċċess għall-informazzjoni governattiva, parteċipazzjoni taċ-ċittadini, mmaniġġjar ta’ ilmenti u disponibbiltà ta’ data pubblika.
Minkejja li Malta titjieb ftit f’xi punteġġi individwali, ma rnexxilhiex ittejjeb il-post tagħha fil-klassifika. Dan kollu jindika li, minkejja l-kliem dwar riformi u modernizzazzjoni, is-saltna tad-dritt f’Malta għadha dgħajfa u nieqsa mit-trasparenza
//= $special ?>

