Ewropa Lokali

Il-Membru Parlamentari Stanley Zammit jattendi s-17-il laqgħa tal-‘Joint Parliamentary Scrutiny Group on Europol’ fi Brussell

Il-Membru Parlamentari Stanley Zammit attenda s-17-il laqgħa tal-Grupp Parlamentari Konġunt ta’ Sorveljanza fuq il-Europol (JPSG) fi Brussell. Il-JPSG għandu rwol kruċjali fl-eżerċizzju ta’ sorveljanza politika fuq l-attivitajiet tal-Europol, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, biex jiżgura li l-missjoni tagħha titwettaq filwaqt li jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini.

Imwaqqaf taħt l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/794, il-JPSG jopera skont linji gwida stabbiliti mill-Konferenza tal-Ispijkers tal-Parlamenti tal-UE. Il-funzjonament tal-Grupp huwa regolat minn regoli ta’ proċedura adottati f’Sofija fl-2018 u emendati sussegwentement. Il-JPSG jiltaqa’ darbtejn fis-sena — l-ewwel laqgħa ssir fil-pajjiż membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li t-tieni laqgħa ssir fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-JPSG huwa ko-presedut mill-parlament tal-pajjiż membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Matul il-laqgħa fi Brussell, il-Membru Parlamentari Stanley Zammit saħaq li l-futur tal-Europol jiddependi fuq il-fiduċja tal-pubbliku u kif din għandha tinbena fuq komunikazzjoniji iżjed b’saħħitha u ko-operazzjoni.

Stanley Zammit semma każ ta’ suċċess f’Malta, fejn f’Lulju tal-2024 ġie evitat telf ta’ aktar minn €23 miljun. Zammit sejjaħ għal solidarjetà akbar u appoġġ adattat għall-istati iżgħar bħal Malta.