Il-President Myriam Spiteri Debono żaret l-istamperija Best Print Ltd. u segwiet l-aħħar fażi tal-proċess tal-istampar ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’, li bħal kull sena se jinbiegħ b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Akkumpanjata mis-sid tal-kumpanija, Mario Abela, il-President iltaqgħet ukoll mill-ħaddiema tal-kumpanija, li ilhom għall-aħħar ġimgħat għaddejjin bil-preparamenti u l-istampar tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sena.
Matul iż-żjara tagħha, il-President kienet akkumpanjata minn Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund (MCCF), kif ukoll uffiċjali tal-Presidenza u tal-MCCF.
Din is-sena, il-ktieb jiffoka fuq l-identità u l-kultura kulinarja ta’ Malta, bħala gżira fil-qalba tal-Mediterran, b’riċetti tradizzjonali Maltin li wħud minnhom ingħataw bixra ġdida. L-ingredjenti użati huma dawk friski skont l-istaġun.
Fid-daħla tal-ktieb, il-President titkellem dwar l-ikel mhux biss bħala memorja, tradizzjoni u mħabba servuta fuq platt, imma wkoll bħala “kumpann tal-vjaġġ tal-ħajja tagħna, għaliex jiffaċilita d-diskussjonijiet u l-laqgħat soċjali tagħna madwar il-mejda, u jgħaqqadna flimkien.”
‘Tisjir mill-Qalb’, disponibbli bil-Malti u bl-Ingliż, se jkun qed jinbiegħ fi tmiem din il-ġimgħa, matul il-Fiera tal-Ktieb fl-MFCC, Ta’ Qali u jkun disponibbli wkoll mill-ħwienet tal-kotba ewlenin madwar Malta u Għawdex. Il-Ħadd, il-President ta’ Malta se żżur il-Fiera, biex tiltaqa’ ma’ dawk li jakkwistaw ‘Tisjir mill-Qalb’ u tiffirmalhom il-kopja tagħhom.
Il-qligħ kollu mill-bejgħ ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ se jmur b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund, biex tkun tista’ tkompli tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonn l-għajnuna tagħha.





