Lokali

In-negozji Maltin imħeġġa jħaddnu l-prinċipji tal-ESG

Fi kliem il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, it-tkabbir ekonomiku ma jistax ikun imfassal fuq bażi short-term.

Il-President qalet dan meta indirizzat il-konferenza “Excellence through ESG”.

Hija saħqet li l-SMEs li jħaddmu inqas minn 250 persuna, huma l-qalba tal-ekonomija Maltija. U anke jekk mhux kollha jaqgħu taħt il-kriterji formali tal-ESG, għandhom ikomplu jagħmlu ħilithom biex isaħħu dawn il-prinċipji.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, Jerome Caruana Cilia, li sostna li l-politika ekonomika trid tiffoka fuq il-kwalità tat-tkabbir u fuq l-inklużjoni tan-nies. Huwa saħaq li ma nistgħux nitkellmu dwar ekonomija li qed tiffjorixxi meta ħafna familji għadhom jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.

Fakkar ukoll kif il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija waħda li tħaddan it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-governanza tajba bħala l-pedamenti ta’ tkabbir sostenibbli.

Fil-kuntest ekonomiku tal-lum, fejn il-bidla teknoloġika qed isseħħ b’pass mgħaġġel, il-kumpaniji Maltin – speċjalment dawk żgħar u medji – għandhom jiffukaw fuq tkabbir sostenibbli u fuq l-effetti pożittivi li dan jista’ jħalli fis-soċjetà.

Din il-konferenza ġabet flimkien sidien ta’ negozji, policymakers u stakeholders sabiex jiddiskutu kif Malta tista’ tkompli tħaddan il-valuri tal-ESG bħala mekkanizmu għat-tkabbir fit-tul u biex issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha.