Raġel ta’ 29 sena mill-Mali tressaq il-Qorti l-Ħamis wara li MacBook u iPhone misruqa mingħand tabib ġew rintraċċati f’kabina li kien joqgħod fiha fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far. Mohamadou Fofana ġie akkużat li rċieva jew xtara oġġetti li kien jaf li kienu misruqa, wara li l-apparat tat-tabib instab fil-pussess tiegħu jumejn biss wara li sparixxa.
L-Ispettur John Sammut spjega li l-Pulizija ġew infurmati dwar il-każ fil-4 ta’ Novembru, meta t-tabib rrappurta fl-għassa tal-Marsa li l-mobajl u l-laptop tiegħu kienu sparixxew mill-uffiċċju tiegħu fl-Isptar St Thomas f’Ħal Qormi għall-ħabta tat-2.30 p.m.
Permezz tas-servizz Find My tal-Apple, it-tabib segwa s-sinjal tal-mobajl li inizjalment deher fiż-żona tal-Marsa, iżda l-pulizija ma sabu xejn meta wettqu tfittxija hemmhekk. Aktar tard dak inhar, it-tabib u missieru rċevew serje ta’ 13-il telefonata minn numru mhux magħruf.
L-għada filgħodu, is-sinjal tat-traċċar pponta lejn Ħal Far, fejn il-Pulizija sabu l-apparat f’kabina okkupata minn Fofana. Tfittxija fil-kabina żvelat żewġ mobile phones – Samsung u iPhone – u l-aħħar wieħed ġie kkonfermat li kien proprjetà ta’ tabib bil-kunjom ta’ Buhagiar.
Id-difiża staqsiet jekk l-akkużat ammettiex ir-reat, iżda l-prosekuzzjoni wieġbet li Fofana kien qal lill-Pulizija li iltaqa’ ma’ raġel li kien jafu biss superfiċjalment, li offrilu jbigħlu mobajl għal €20, għax ma setax iħallas il-prezz mitlub ta’ €40. Fofana sostna li ma jafx lanqas isem jew in-numru ta’ dan ir-raġel.
L-akkużat, rappreżentat mill-avukat tal-għajnuna legali François Dalli, wieġeb mhux ħati. Matul is-seduta deher konfuż u viżibilment imħawwad. Meta l-Maġistrat spjegatlu d-dritt tiegħu li jitlob il-ħelsien mill-arrest, huwa inizjalment wieġeb “le”, iżda wara spjegazzjoni mill-avukat tiegħu, bidel fehmtu u talab għall-ħelsien.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax l-akkużat ma kellux indirizz fiss f’Malta, għalkemm l-Ispettur Sammut irrimarka li l-kondotta tiegħu kienet nadifa u ma kienx recidiv. Il-Maġistrat Elaine Rizzo osservat li minkejja li l-akkużi ma kinux ta’ natura serja ħafna, in-nuqqas ta’ residenza stabbli kien jġib miegħu riskju, u għaldaqstant ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut, filwaqt li l-avukat François Dalli qed jidher għad-difiża.
//= $special ?>

