Ċiniż ta’ 45 sena, Chenghui Chen, li jgħix f’San Ġiljan u li bħalissa jinsab bla xogħol, tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lill-eks sieħba tiegħu, li weġġa’ ħafif lill-fattiga tad-dar tagħhom, u li żammhom kontra r-rieda tagħhom flimkien mat-tifla tagħhom ta’ disa’ snin.
Huwa ġie wkoll akkużat li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fil-konfront tagħhom u li għamel ħsara lill-proprjetà tal-eks sieħba tiegħu. L-akkuażat allegatament rabat ukoll lill-eks sieħba tiegħu, lil bintu u lill-fattiga meta hu kien fis-sakra.
Il-prosekuzzjoni rrakkuntat kif il-Pulizija ġew infurmati bl-inċident fid-27 ta’ Ottubru 2025 għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija. Meta marru fir-residenza f’San Ġiljan sabu lill-mara bid-demm b’ferita gravi f’rasha, flimkien mal-fattiga u mat-tifla ż-żgħira.
Skont ix-xhieda tal-fattiga, il-koppja kienet spiċċat fi ġlieda dak in-nhar filgħodu, waqt li matulha Chen allegatament ta daqqa ta’ sieq f’ras il-mara. Meta din spiċċat bid-demm ħiereġ, huwa marbat lill-mara ma’ sodda u aktar tard żamm ukoll lilha kontra r-rieda tagħha.
Meta t-tifla ta’ disa’ snin irritornat id-dar mill-iskola, l-akkużat allegatament rabtilha riġlejha mas-sodda qabel ma telaq mir-residenza. It-tifla rnexxielha teħles lilha nfisha, lil ommha u lill-fattiga, u ċemplu għall-għajnuna.
Il-Pulizija sabu lil Chen mitluf minn sensih viċin il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura, qabel ma ġie trasferit l-Isptar Monte Carmeli wara li hedded li jtemm ħajtu. Huwa ġie arrestat wara li nħeles mill-isptar aktar kmieni din il-ġimgħa.
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Chen qal lill-Pulizija li kien fis-sakra u ma jiftakarx x’ġara, u sostna li normalment ma jixrobx alkoħol imma kien imnikket wara t-tmiem tar-relazzjoni mal-partner tiegħu, li skontu “qalbitilu” u ma għenitux isib xogħol.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-akkużat jista’ jgħix ma’ ħabib tiegħu f’Tas-Sliema. Madankollu, il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Kristina Bartolo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Omar Zammit, oġġezzjonat minħabba r-riskju ta’ tfixkil tal-provi jew kuntatt max-xhieda, kif ukoll in-nuqqas ta’ rabtiet stabbli ta’ Chen ma’ Malta.
Il-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qieset is-serjetà tal-akkużi, il-periklu li jerġa’ jikkommetti reat u r-riskju għall-proċess ġudizzjarju. Il-Qorti wkoll irrifjutat it-talba biex ma jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-partijiet, billi osservat li ma teżistix bażi legali għal projbizzjoni bħal din u li l-akkużat u t-tifla ma jaqsmux l-istess kunjom. L-akkużat kien rappreżentat mill-avukat tal-għajnuna legali François Dalli.
//= $special ?>

