Lokali Qorti

Mixlija li kkawżat il-mewt b’mod involontarju ta’ mara li kienet qed taqsam it-triq

F’każ li qed jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, tfajla ta’ 21 sena, Chloe Caruana minn Birżebbuġa, qed tkun akkużata li b’nuqqas ta’ attenzjoni u sewqan perikoluż ikkawżat il-mewt ta’ mara u l-ġrieħi gravi ta’ oħra f’inċident li seħħ fit-6 ta’ Jannar fi Triq Hompesch fil-Fgura.

Il-Qorti semgħet kif Caruana kienet qed issuq Toyota Hilux pick-up truck meta tajjret żewġ nisa ta’ nazzjonalità Nepaliżi li kienu qegħdin jaqsmu t-triq. Waħda minnhom, Baral Gauri Kumari, ta’ 24 sena, sofriet ġrieħi serji f’moħħha u kienet ittieħdet immedjatament l-Isptar Mater Dei, iżda mietet ħames ijiem wara. L-oħra, Urmila Karki Thapa, ta’ 34 sena, weġġgħet gravi iżda baqgħet ħajja.

Il-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Francesca Calleja, qalet li rċevew telefonata minn raġel li informa lill-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid li kien seħħ inċident serju fejn żewġ persuni kienu ndarbu. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu żewġ nisa mal-art, midruba, u fuq it-triq par żraben, xalpa u hand bag. Il-karozza kienet bil-bonnet imkisser sew, u l-pulizija immedjatament marru fuq is-sewwieqa, li qrawlha d-drittijiet tagħha, u infurmawha bil-proċeduri.

Ftit wara wasal ukoll fuq il-post missierha, Adrian Caruana, li spjega lill-pulizija li l-vettura kienet tiegħu, iżda l-assigurazzjoni tkopri biss lis-sid jew lis-sewwieqa ’l fuq minn 25 sena. Għaldaqstant, Chloe Caruana kienet qed issuq mingħajr polza ta’ assigurazzjoni valida.

Waqt il-kontro-eżami, surġent mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid spjega li l-akkużata kienet ikkuntattjat lil missierha wara l-inċident, iżda dan ma ġiex meqjus bħala suspettat. Meta mistoqsi jekk l-inċident seħħx viċin zebra crossing, is-surġent qal li dan ġara ħdejn il-ħanut Super Shop, fil-Fgura, fejn hemm zebra crossing “mhux eżattament fil-viċin”. Huwa żied jgħid li l-osservazzjonijiet tiegħu kienu bbażati fuq il-pożizzjoni tal-karozza u tal-vittmi, u li ma ra l-ebda filmat ta’ CCTV.

Fil-Qorti ssemma wkoll li Urmila Karki Thapa kienet għadha Malta, sal-aħħar ta’ Lulju, u xehdet fil-inkjesta maġisterjali dwar il-każ. Rappreżentant minn Transport Malta ppreżenta liċenzja tas-sewqan ta’ Caruana u d-dettalji ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, filwaqt li rappreżentant ieħor spjega li skont il-liġi sussidjarja, il-limitu tal-veloċità f’zona urbana huwa ta’ 50 kilometru fis-siegħa.

Fl-aħħar tas-seduta, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, qalet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużata tkompli twieġeb għall-akkużi kontriha, jiġifieri li kkawżat il-mewt ta’ Gauri Kumari Baral b’mod involontarju, għamlet ħsara gravi lil Urmila Karki Thapa, u saqet b’mod perikoluż u mingħajr assigurazzjoni.

L-akkużata, li qed twieġeb mhix ħatja, qed tiġi difiża mill-avukat Amadeus Cachia, filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Francesca Calleja. L-avukat Jonathan Abela qed jidher għall-vittmi.

Il-każ issa ġie aġġornat għal Diċembru, fejn se tkompli tinstema’ x-xhieda u l-provi tekniċi dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident.