Il-Qorti kkundannat lil koppja Nadia u Anton Theuma, li huma Diretturi ta’ kumpaniji, kienu ordnati jħallsu multa ta’ €18,400 wara li nstabu ħatja li kisru l-liġi tax-xogħol billi naqsu milli jħallsu disa’ impjegati li kienu jaħdmu taħt iż-żewġ kumpaniji tagħhom, 5 Senses Ltd u Paragon Ltd.
Minbarra l-multa, Il-Qorti ordnat ukoll li l-ħaddiema jiġu kumpensati bis-somom li kienu dovuti lilhom, li jvarjaw fuq ammonti ta’ eluf ta’ ewro kull wieħed. L-investigazzjoni bdiet wara diversi ilmenti li waslu għand id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER), li kien irrappurtat li disa’ ħaddiema kienu għadhom jistennew il-pagi, il-bonuses u l-leave tagħhom li ma kienx imħallas.
Il-koppja Theuma kienet qalet lid-DIER f’Jannar 2023 li kellha proprjetà għall-bejgħ u li se tħallas il-pagi dovuti hekk kif isir il-bejgħ, iżda meta ġew mistiedna għal laqgħa oħra biex tintlaħaq ftehim barra l-qorti, qatt ma attendew, u l-każijiet ġew riferiti lill-Pulizija.
Matul il-kawża ħarġu fid-dawl diversi xhieda li wrew kif iż-żewġ kumpaniji kienu qed jgħaddu minn kriżi finanzjarja serja mill-2022, li wasslet għal dewmien fit-tħaddim u fl-istess ħin għal dewmien kbir fil-ħlas tal-pagi. Maria Grazia Borg, li kienet ilha taħdem għal 11-il sena bħala manager, qalet li s-sitwazzjoni kienet bdiet bil-problemi wara l-pandemija meta n-numru ta’ ħaddiema naqas drastikament u l-pagi bdew jitħallsu tard jew ma jitħallsux.
Spjegat kif sal-2022 il-kumpaniji kienu qed jiddependu dejjem aktar fuq ħaddiema temporanji minn pjattaformi online bħal Upwork u Freelancer, li jiswew aktar minn impjegati regolari, filwaqt li fornituri u sidien ta’ proprjetajiet kienu qed jheddu bil-qorti minħabba kontijiet mhux imħallsa.
Ix-xhieda ta’ Borg u ta’ Connie Frankline Azzopardi, uffiċjal tal-finanzi, żvelat ukoll prattiċi li tqajmu tħassib serju dwar il-ġestjoni tal-kumpaniji. Intqal li Nadia Theuma kellha aċċess dirett għall-payslips tal-ħaddiema u li dawn l-informazzjonijiet intużaw meta l-kumpaniji applikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropea.
Azzopardi qalet li f’xi każijiet, leave mhux użat kien jitħalla barra mill-payslips biex jintwerew kontijiet aktar baxxi meta jinqalgħu verifiki fuq proġetti ffinanzjati mill-UE. Il-Qorti osservat li l-koppja użat “tattika mhux daqshekk diskreta” billi ħallsu parti mid-djun ftit qabel is-seduti tal-qorti sabiex jidhru kooperattivi, iżda l-imġiba tagħhom wriet mod ieħor.
Il-Maġistrat, illum Imħallef Rachel Montebello ċaħdet it-tentattivi tal-akkużati li jippuntaw subgħajhom lejn l-impjegati jew fuq il-maniġers tagħhom, u qalet li kien ċar li bħala diretturi kienu konxji sew tas-sitwazzjoni u tal-obbligi legali tagħhom.
Fl-aħħar, il-Qorti ordnat li l-koppja tħallas lill-ħaddiema kollha s-somom li kienu dovuti, li f’xi każijiet jaqbżu l-€10,000, u imponiet multa ta’ €18,400 fuqhom. Fid-dawl tax-xhieda li nġabret dwar il-mod kif kienu qed jintużaw fondi tal-UE, il-Qorti ordnat ukoll li s-sentenza u l-provi kollha jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO), kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kummissarju tat-Taxxa biex jinfetħu investigazzjonijiet addizzjonali dwar kontribuzzjonijiet soċjali u taxxi mhux imħallsa.
Is-sentenza tixhed nuqqas gravi ta’ rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi ta’ min iħaddem, u l-Qorti enfasizzat li l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiem huma pedament ta’ soċjetà ġusta, fejn min jaħdem għandu jingħata dak li jixraqlu u mhux jitħalla jbati l-konsegwenzi ta’ ġestjoni irresponsabbli.
//= $special ?>

