Internazzjonali

New York: Mamdani diġà taħt pressjoni biex iwettaq dak li wiegħed…. fost l-iskrutinju tar-Repubblikani u l-poplu

Ritratt: CNN

Il-konferma li d-Demokratiku Zohran Mamdani se jkun is-Sindku ġdid ta’ New York qanqlet diversi reazzjonijiet mill-esponenti tal-Partit Repubblikan fil-Gvern – u b’mod partikulari mingħand il-President Amerikan, Donald Trump, li ħareġ jikkritika l-għażla tal-elettorat.

Dan ukoll wara li Trump, fl-elezzjoni ta’ jiem ilu, kien qed jappoġġja lill-eks-Gvernatur veteran, Andrew Cuomo, għar-rwol ta’ Sindku — minkejja li l-istess Cuomo, fil-passat, kien involut f’numru ta’ skandli u kontroversji.

Il-President Trump, waqt l-aħħar kummenti dwar ir-rebħa ta’ Mamdani, wassal messaġġ li l-Amerikani, issa, għandhom ‘għażla bejn il-komuniżmu u s-sens komun’, fi żmien meta d-Demokratiċi qed jiċċelebraw rebħa elettorali rari – u daqstant ieħor sinifikattiva.

Min-naħa tiegħu, Zohran Mamdani qed jinsisti li se jiddefendi lir-residenti ta’ New York kontra ‘il-politika awtoritarja ta’ Trump’…Politika li, fi kliem Mamdani, qed tinkorpora elementi qawwijin ta’ intolleranza ma’ ċerti faxex tal-poplu Amerikan.

Meta indirizza l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet bħala s-Sindku-elett ta’ New York, Mamdani qal li hu, fil-ġimgħat li ġejjin, se jistinka lejn ‘era ġdida fejn kulħadd jista’ iħossu inkluż u parti minn soċjetà ħajja u attiva’.

Mamdani, li għandu 34 sena, huwa l-ewwel Musulman li qed jokkupa l-kariga ta’ Sindku ta’ New York, li hi l-akbar belt fl-Istati Uniti – u forsi wkoll, l-aktar famuża.

Ironikament, New York titqies ukoll bħala ‘il-belt ta’ Donald Trump’, li ismu hu assoċjat magħha bħala eks-imprenditur u negozjant biljunarju li, tul is-snin, bena diversi bini ‘high rise’ inklużi l-famużi Trump Towers.

L-osservaturi u l-analisti politiċi, issa, qed jgħidu li għalkemm Zohran Mamdani kiseb rebħa impressjonanti kontra l-establishment ta’ New York, hu, ‘il quddiem, irid jiffaċċja l-isfidi qawwija fi żmien meta għexieren ta’ eluf ta’ residenti qed jiffaċċjaw kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Mamdani, fl-istess ħin, irid jiffaċċja l-ostaklu tal-housing waqt li jintroduċi skemi għal residenzi affordabbli f’belt fejn hemm ċifri tal-homeless rekord…. Dan ukoll meta l-politika li se jintroduċi Mamdani għal New York se tkun qed tgħaddi minn skrutinju kontinwu – mhux biss mir-Repubblikani iżda anki mir-residenti, inklużi l-eluf kbar taż-żgħażagħ, li fdawh bil-vot tagħhom.

Sadanittant, l-ottimiżmu fil-kamp tad-Demokratiċi qed jikber fost l-indikazzjonijiet li l-kandidati tagħhom rebħu wkoll l-elezzjonijiet ta’ din il-ġimgħa fl-Istati ta’ Virginia u New Jersey.

Iżda waqt li d-Demokratiċi qed jgħidu li r-rebħiet elettorali rispettivi tat-Tlieta għandhom jitqiesu bħala ‘ċaħda popolari għall-politika ta’ Trump’, il-Viċi-President Amerikan JD Vance insista li dawn ir-riżultati ‘mhumiex riflessjoni vera tas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti’.