Luke Said
Kandidat
Partit Nazzjonalista
Wara l-Baġit smajna ħafna ideat, ħafna proposti u ħafna inċentivi ta’ finanzjament/taxxa. Xi problemi ġew indirizzati, oħrajn reġgħu ġew injorati.
Flimkien mal-osservazzjonijiet li saru mit-tliet organizzazzjonijiet ewlenin Għawdxin, The Gozo Business Chamber, Island of Gozo – GTA, GUG, ejja nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn xi jfisser verament dan il-Baġit għall-Għawdxin.
Aħna naqblu li għandu jsir investiment fl-Infrastruttura u fis-Saħħa. Li għandu jkun hemm servizz ġdid ta’ Fast Ferry. Li jsiru toroq ġodda. Li jkun żviluppat il-proġett tal-parkeġġ fir-Rabat. Li jsir air link.
Tajjeb li tingħata għajnuna finanzjarja lill-istudenti; żieda fl-istipendju u għotja ta’ €280 fix-xahar għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta.
Tajjeb ukoll li jkun hemm skema Micro Invest li tkun estiża biex tappoġġja d-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-AI.
Li jidħlu fis-seħħ miżuri soċjali li jkunu ta’ appoġġ aktar b’saħħtu għall-familji, dawk li jaħdmu għal rashom, u negozji żgħar.
Imma niskantaw:
■ Kif għadha ma ssemmiet l-ebda soluzzjoni permanenti għall-Vapur Nikolaus.
■ L-ebda referenza għal qorti ġdid f’Għawdex.
■ Il-fondi ta’ Eco–Contribution miġbura f’Għawdex mhumiex allokati għal proġetti turistiċi fil-gżira.
■ Iċ-Ċentru tal-Innovazzjoni ta’ Għawdex għadu mhux użat biżżejjed, mingħajr qafas ċar fis-seħħ għall-bidu ta’ negozji ġodda.
■ L-ebda referenza għal Study Space.
Nemmen li Għawdex m’għandux bżonn aktar wegħdiet.Jeħtieġ pjan – u implimentazzjoni.
L-infiq bl-addoċċ fil-kirja tal-MV Nikolaos
Għax ejjew nieħdu l-istorja tal-Mv Nikolaos li jiswa lill-poplu aktar minn €10,000 kuljum, minbarra l-ispejjeż tal-fjuwil. Ikkalkula €10,000 għal sitt snin, 365 jum fis-sena, u ssib li Malta nefqet madwar €21.9 miljun sempliċement biex iżżomm dan il-vapur antik.
Fl-2019, l-MV Nikolaos ingħaqad mal-flotta tal-Gozo Channel bħala soluzzjoni temporanja. Qatt ma kien fil-pjan li dan il-vapur jispiċċa vapur permanenti mal-bqija tal-flotta, imma sempliċiment kellu jkun vapur mikri maħsub biex jimla l-vojt sakemm jinxtara vapur ġdid biex jingħaqad mat-tliet vapuri oħra tal-Gozo Channel.
Sitt snin wara, fl-2025, dan l-istess vapur, li issa għandu aktar minn tletin sena, għadu fis-servizz, u t-tender għal vapur ġdid għadu ma ħariġx. Dak li suppost kellu jkun soluzzjoni għal żmien qasir inbidel f’vapur li jħammar wiċċ pajjiżna b’mod permanenti.
In-numri jitkellmu waħedhom. L-MV Nikolaos jiswa lill-poplu aktar minn €10,000 kuljum, minbarra l-ispejjeż tal-fjuwil. Ikkalkula €10,000 għal sitt snin, 365 jum fis-sena, u ssib li Malta nefqet madwar €21.9 miljun sempliċement biex iżżomm dan il-vapur.
Dawn huma €21.9 miljun li setgħu marru direttament għall-kostruzzjoni ta’ vapur ġdid li Għawdex ġie mwiegħed darba wara l-oħra.
In-Nikolaos inkera biex isaħħaħ l-operat tal-Gozo Channel u jtaffi l-konġestjoni fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa. Ma niċħdux li għen, u dan juri b’mod ċar l-importanza li jkun hemm ir-raba’ vapur bħala parti mill-flotta. Iżda n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista ħalla lill-gżira dipendenti fuq vapur li qatt ma kien maħsub biex ikun parti mill-flotta permanenti.
Fl-1 ta’ April 2025, fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-Gvern se joħroġ offerta għall-bini ta’ vapur ġdid sa nofs is-sena. Fl-aħħar deher li qed isir xi progress. Madankollu, sa Ottubru 2025, nofs sena wara, l-ebda offerta ta’ din ix-xorta ma immaterjalizzat.
Meta l-Membru Parlamentari Ivan Castillo qajjem il-kwistjoni fil-Mistoqsija Parlamentari 31281 fl-10 ta’ Ottubru 2025, staqsa:
“Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk it-tender għar-raba’ vapur ta’ Għawdex ħariġx? Jekk ħareġ, jista’ jelenka d-dokument tat-tender? Jekk ma ħariġx, jista’ jispjega għalfejn dan għadu ma ħariġx? Jista’ jgħid ukoll xi studji saru u jelenkahom ukoll?”
Il-Ministru Clint Camilleri wieġeb billi ddikjara:
“Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31036.”
Hekk jirreferi għal mistoqsija kompletament differenti mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li ffokat fuq it-tender fallut CT2379/2024 (li għalaq fit-2 ta’ April 2025 b’żero offerti) biex jinkera vapur ġdid.
Huwa importanti ħafna li dan ir-raba’ vapur temporanju jibqa’ jopera sakemm tinstab soluzzjoni permanenti. Imma hija din l-aħjar soluzzjoni li nistgħu insibu? Irridu nfittxu alternattiva permanenti.
In-Nikolaos huwa biss inċident wieħed – monument ta’ prokrastinazzjoni politika.
Wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti s-soluzzjoni permanenti li Għawdex ġie mwiegħed lura fl-2019. L-Għawdxin mhumiex qed jitolbu mirakli, iżda biss li l-Gvern jagħmel dak li qal li se jagħmel… imma sadattant dwar dan kollu fil-Baġit 2026 ma smajna xejn ġdid!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

